613-il persuna kellhom amputazzjoni fl-aħħar għaxar snin

Skont ir-reġistru tal-POYC fl-2023, bejn Jannar u Novembru saru total ta’ 50 operazzjoni ta' amputazzjoni maġġuri ’l fuq jew taħt l-irkoppa

(Ritratt ta' Kampus Production / Pexels)
(Ritratt ta' Kampus Production / Pexels)

Fl-aħħar għaxar snin, f’Malta, skont ir-reġistru tal-POYC, saru total ta’ 613-il operazzjoni ta’ amputazzjoni maġġuri ’l fuq jew taħt l-irkoppa. 

Fl-2023, bejn Jannar u Novembru saru total ta’ 50 operazzjoni maġġuri, filwaqt li fl-2022 saru 47. 

Matul l-għaxar snin, l-ogħla rata ta’ operazzjonijiet maġġuri kienet fl-2013 b’total ta’ 82 operazzjoni.  

L-inqas rata mbagħad kienet fl-2019 b’total ta’ 30 operazzjoni maġġuri.  

Jippreżenta din l-istatistika lill-mejda tal-Kamra, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg. 

Operazzjonijiet maġġuri ’l fuq jew taħt l-irkoppa fl-aħħar għaxar snin. (Grafika: Marianna Calleja. Informazzjoni: Parlament)
Operazzjonijiet maġġuri ’l fuq jew taħt l-irkoppa fl-aħħar għaxar snin. (Grafika: Marianna Calleja. Informazzjoni: Parlament)

Il-mistoqsija oriġinali ta’ Buttigieg talbet ukoll għan-nefqa totali ta’ dawn l-operazzjonijiet bejn l-2013 u l-2023, iżda Abela ma tkellem xejn dwar dan fir-risposta tiegħu. 

Mill-istess mistoqsija parlamentari ġie żvelat li bejn l-2019 u l-2021, 101 operazzjoni ta’ amputazzjoni maġġuri tal-irkoppa seħħew għaliex kienu b’relazzjoni mad-dijabete. 

L-ogħla rata kienet fl-2021 b’total ta’ 38 operazzjoni maġġuri, filwaqt li l-inqas rata kienet fl-2019 b’total ta’ 20. Mill-banda l-oħra, fl-2020 ġew irreġistrati total ta’ 43 operazzjoni maġġuri.   

Minn mistoqsija oħra, mill-istess MP, għall-Ministru Abela, ġie żvelat li bejn l-2013 u l-2023 saru total ta’ 4,073 operazzjoni minuri.  

Is-sena li għaddiet, bejn Jannar u Frar biss, seħħew total ta’ 314-il operazzjoni minuri, filwaqt li fis-sena ta’ qabel (2022) saru total ta’ 367 operazzjoni minuri.  

L-ogħla rata ta’ amputazzjonijiet minuri rreġistrati mill-POYC kienet fl-2017 b’total ta’ 457 operazzjoni.  

Mill-banda l-oħra, l-inqas rata rreġistrata kienet fl-2020, b’total ta’ 280 operazzjoni minuri.  

Mill-istess informazzjoni ġie żvelat li bejn l-2019 u l-2021 saru total ta’ 879 operazzjoni, kawża ta’ dijabete. 

Fl-2019 saru total ta’ 340 operazzjoni, 250 saru fl-2020 u total ta’ 289 fl-2021. 

More in Socjali