Aktar studenti se jibbenefikaw mill-istipendju supplimentari

Il-Ministru Clifton Grima ħabbar li minn din il-miżura se jibbenefikaw għall-ewwel darba aktar minn 300 student li l-aġġustamenti huma b’żidiet li jvarjaw minn €2,550 għal €3,200

Waqt żjara li l-Ministru Clifton Grima għamel fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), ħabbar li se jitwessgħu l-means testing bands biex aktar studenti jkunu eliġibbli għal stipendju supplimentari. 

Minn din il-miżura li tapplika mis-sena akkademika preżenti se jibbenefikaw għall-ewwel darba aktar minn 300 student. L-aġġustamenti huma konsiderevoli b’żidiet fil-faxex li jvarjaw minn €2,550 għal €3,200. 

Permezz ta’ din il-miżura elettorali se titwessa’ l-eliġibilità għal din l-għotja addizzjonali biex jintlaħqu aktar studenti li jkunu ġejjin minn familji bi dħul baxx. Se jkun hemm kunsiderazzjoni wkoll għan-numru ta’ studenti fil-familja, li jkunu għaddejjin bl-istudju tagħhom.

Il-Ministru Grima stqarr li “L-għan tagħna huwa li nkomplu nibnu sistema li tgħin aħjar lill-istudenti f’kull livell soċjali, anki b’appoġġ finanzjarju...qed naraw li kulħadd ikun f’pożizzjoni li jilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħu."

Waqt iż-żjara l-Ministru Grima kien akkumpanjat mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur James Joachim Calleja.

More in Socjali