KM Malta Airlines ħabbret l-iffirmar ta’ ftehim ta’ codeshare ma' Air France

Fi stqarrija, il-linja tal-ajru KM Malta Airlines qalet li “Dan il-ftehim ta’ codeshare jiftaħ opportunitajiet ġodda għaż-żewġ linji tal-ajru biex jespandu l-firxa tagħhom”

KM Malta Airlines ħabbret l-iffirmar ta’ ftehim ta’ codeshare unilaterali mal-Air France, waħda mil-linji tal-ajru ewlenin fl-Ewropa.

Skont dan il-ftehim, l-Air France se tqiegħed kodiċi fuq 10 titjiriet fil-ġimgħa ta’ KM Malta Airlines bejn Malta u l-Ajruport Charles de Gaulle ta’ Pariġi (CDG), disa’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u l-Ajruport ta’ Pariġi Orly (ORY), u ħames titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u Lyon (LYS).

Air France se tkun tista’ toffri lill-klijenti tagħha konnessjonijiet konvenjenti lejn u minn destinazzjonijiet varji kemm fl-Ewropa kif ukoll in-netwerk interkontinentali tagħha billi tuża n-netwerk tar-rotot ta’ KM Malta Airlines

Fi stqarrija, il-linja tal-ajru KM Malta Airlines qalet li “Dan il-ftehim ta’ codeshare jiftaħ opportunitajiet ġodda għaż-żewġ linji tal-ajru biex jespandu l-firxa tagħhom”. 

Il-kumpanija kompliet tgħid li l-klijenti taż-żewġ linji tal-ajru se “jgawdu minn esperjenza ta’ vjaġġar aktar faċli.”

Minn din il-kollaborazzjoni se jibbenefikaw ukoll il-passiġġieri li jtiru mal-KM Malta Airlines. Il-passiġġieri se jkollhom l-opportunità li jibbukkjaw titjiriet lil hinn minn Pariġi lejn destinazzjonijiet domestiċi u Ewropej moqdija mill-Air France. Dan se jipprovdilhom firxa usa’ ta’ għażliet ta’ vjaġġar u flessibilità akbar fl-ippjanar tal-vjaġġi tagħhom.

“Il-linja tal-ajru hija kuntenta li tidħol f’dan il-ftehim ta’ codeshare mal-Air France. Din is-sħubija mhux biss se ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ KM Malta Airlines fis-suq iżda toffri wkoll konnettività msaħħa u għażliet ta’ vjaġġar lill-passiġġieri. KM Malta Airlines tinsab ħerqana li taħdem mill-qrib mal-Air France biex tipprovdi esperjenza ta’ vjaġġar superjuri lill-klijenti tagħha,” qalet KM Malta Airlines.

More in Socjali