Il-barbier tal-Ħamrun Kusi Dismark se jiġi deportat il-Ġimgħa wara 13-il sena f’Malta

Kusi Dismark ilu jgħix Malta għal 13-il sena, u qed jiġi deportat minkejja li bena ħajja ġdida fil-pajjiż

Skont sorsi minn tal-gazzetta oħt - MaltaToday, Kusi Dismark, il-barbier tal-Ħamrun, li nżamm minn uffiċjali tal-immigrazzjoni ħmistax ilu wara li għex Malta għal 13-il sena, se jiġi deportat nhar il-Ġimgħa.

Sorsi qalu li wara li Dismark inżamm minn uffiċjali tal-immigrazzjoni fil-21 ta’ Jannar, id-deportazzjoni tiegħu kienet “inevitabbli”. Huwa nżamm waqt li kien qed jaħdem fil-ħanut tiegħu fil-Ħamrun bl-awtoritajiet jgħidulu li kien suġġett għal ordni ta’ tkeċċija mill-2011. Ħbieb, ġirien u anke sid il-kera kienu qalu lil Times of Malta li Kusi kien raġel ħabrieki, li fi 13-il sena, kien bena ħajja ġdida għalih innifsu billi saħansitra studja għal kors fl-MCAST u fetaħ in-negozju tiegħu fi Triq il-Kbira tal-Ħamrun. 

“Jien nibża’... imwerwer. Se nerġa' nibda ħajti mill-ġdid ta' 37 sena,” qal Kusi lill-midja.

Kusi bħalissa qed jinżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi. Il-komunità tal-migranti, assistita minn NGOs fosthom ADITUS u Moviment Graffitti, se torganizza protesta kontra d-deportazzjoni ta’ Dismark nhar il-Ħadd li ġej.

Huma qed jitolbu għall-ħelsien immedjat ta’ Kusi Dismark, filwaqt li jitolbu wkoll it-tmiem tar-rejds tal-gvern li “jżommu u jheddu li jiddeportaw” membri tal-komunità tal-migranti li jirrispettaw il-liġi.

Il-komunità qed tħeġġeġ ukoll għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ skema ta’ permessi ta’ residenza, simili għall-Awtorizzazzjoni Speċifika ta’ Residenza li tagħti lil persuni li ilhom jikkontribwixxu għall-ekonomija u l-komunità Maltija xi stabbiltà u paċi f’ħajjithom.

Il-protesta se ssir illum il-Ħadd, 25 ta’ Frar fit-3pm fi Pjazza l-Ħamrun. Il-punt eżatt tal-laqgħa se jkun fil-Ħamrun Kiosk, fejn jibda l-marċ u jimxi lejn il-Belt Valletta.

More in Socjali