Il-ħlas ogħla tal-liċenzji u taxxi fuq karozzi użati f'Malta huma illegali skont il-Qorti tal-UE

Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-iskema ta’ tassazzjoni fuq vetturi użati ta’ Malta tikser il-liġi tal-UE, Malta applikat tariffa ogħla fuq vetturi użati importati minn stati membri oħra

It-taxxa ogħla tal-liċenzja għal karozzi użati rreġistrati qabel l-2009 f'Malta, ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-liġi tal-UE, li tipprojbixxi taxxi favorevoli għall-prodotti domestiċi fuq l-importazzjoni minn stati membri oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet talbet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk Malta kisritx ir-regoli tal-UE dwar il-mod kif tintaxxa l-karozzi użati importati f’Malta.

Id-deċiżjoni sabet li t-taxxi imposti fuq karozzi użati rreġistrati qabel l-2009, kienet inkompatibbli mal-liġijiet tal-UE li jipprojbixxu taxxi favorevoli għall-prodotti domestiċi, fuq l-importazzjonijiet tal-UE.

Malta applikat tariffa ogħla fuq vetturi użati importati minn stati membri oħra, mit-tariffa applikabbli għal vettur domestiċi simili.

It-Taxxa Annwali taċ-Ċirkolazzjoni (ACT) għal vetturi reġistrati fi stati oħra tal-UE qabel Jannar 2009 u imbagħad importati lejn Malta ġiet iċċarġjata b'rati ogħla minn dik applikata għal karozzi ġodda fjamanti reġistrati f'Malta.

Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta’ avviż formali lil Malta, fejn qalet li t-tariffi tal-ACT għal karozzi użati kienu qed jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UE. Fl-2021, il-Kummissjoni bdiet azzjoni tal-qorti.

Malta ssostni li l-ACT – is-sistema ta’ ħlas ta’ liċenzji imposta fuq il-karozzi skont l-emissjonijiet tal-karbonju u d-daqs – hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li jiffavorixxi vetturi aktar ġodda, iżgħar u nodfa.

Sostniet li sistema ACT riformata proposta jkollha konsegwenzi negattivi għas-sidien tal-vetturi użati li ġew irreġistrati qabel l-2009, minħabba li tiżvaluta dawk il-karozzi u tissuġġetta lis-sidien għal taxxa ogħla.

Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, enfasizzat li taxxa sfavorevoli fuq oġġetti importati favur oġġetti domestiċi simili, kienet ipprojbita. Il-Kummissjoni qalet li Malta għandha tqabbel ir-rati tal-ACT għall-karozzi użati minn stat membru ieħor, għal dawk irreġistrati f’Malta bħala ġodda fjamanti.

L-ECJ sabet li Malta naqqset mill-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-UE, u affermat l-iskop tad-dispożizzjoni rilevanti tal-UE biex tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn it-tassazzjoni interna fuq prodotti nazzjonali u prodotti importati. Il-Qorti qalet li l-ACT ta’ Malta ma tistax titqies kompatibbli mal-liġi tal-UE peress li hija mmirata biex teskludi prodotti importati permezz ta’ taxxa akbar minn dik imposta fuq oġġetti domestiċi.

More in Socjali