Regolamentazzjoni ambjentali ġodda mnedija għall-konsultazzjoni pubblika

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li "l-Gvern emenda l-Att fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, it-trasparenza, u effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijet ambjentali."

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), nedew konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti ġodda għall-permessi ambjentali. Ir-regolamenti li qed jiġu proposti huma l-ewwel tax-xorta tagħhom minn mindu ġew stabbiliti l-ewwel ligijiet ambjentali f’Malta 30 sena ilu.

Permezz ta’ dawn ir-regolamenti, il-Gvern qed jara li jipprovdi qafas aktar b’saħħtu, ħolistiku u effiċjenti għal dawk li jkunu jeħtieġu dawn il-permessi, u b’hekk jibbenefikaw minnu kemm l-ambjent kif ukoll l-ekonomija. 

Waqt laqgħa mal-ġurnalisti, il-Ministru Miriam Dalli qalet li "l-Gvern emenda l-Att fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, it-trasparenza, u effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijet ambjentali."

Hija kompliet tgħid li l-għan ewlieni "li tiżdied it-trasparenza u aktar sehem tal-pubbliku fil-ħruġ tal-permessi ambjentali tal-ERA," filwaqt li sostniet li qed jkunu proposti regolamenti sabiex l-ambjent ikun aktar salvagwardjat.  

Ir-regolamenti l-ġodda jikkategorizzaw l-applikazzjonijiet li jaslu għand l-ERA skont ir-riskju ambjentali u li jiddeterminaw liema proċessi għandhom jiġu applikati sabiex tiġi pproċessata l-applikazzjoni. Iż-żmien stabbilit għal proċess tal-applikazzjoni huwa speċifiku biex jassigura li l-permessi huma proċessati f’ħin addattat u effiċjenti. L-iskadenza taż-żmien ivarja minn 15-il jum, fejn jidħol l-ipproċessar ta’ permessi ta’ rutina, u jitilgħu sa 270 jum għal permessi ambjentali aktar kumplessi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca innota kif “permezz ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda l-ERA se tkun tista’ tistandardizza l-operat tagħha u żżid l-effiċjenza fejn jidħlu proċessi ta’ applikazzjonijiet."

Filwaqt li jistipulaw li l-permessi jkunu disponibbli online, ir-regolamenti jidentifikaw applikazzjonijiet li jkunu miftuħin għall-pubbliku, fejn il-pubbliku jkun jista’ jissottometti l-proposti tiegħu. Dan jirriżulta f’aktar trasparenza u sehem attiv mill-pubbliku.

Il-miżati tal-applikazzjoni se tkun qed tiġi riveduta skond il-permessi involuti.

More in Socjali