Korsija ġdida mir-roundabout tal-Armier sat-Terminal taċ-Ċirkewwa

Se tkun qed tiżdied korsija kontinwa tul it-triq kollha mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa f’proġett infrastrutturali b’investiment totali ta’ €7 miljun

Se tkun qed tiżdied korsija kontinwa tul it-triq kollha mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa f’proġett infrastrutturali ġdid li se jitlesta sa qabel is-sajf li ġej. 

Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett li spjega kif flimkien mal-esperti tekniċi ta’ Infrastructure Malta, ħadmu fuq soluzzjoni biex il-karozzi li telgħin lejn Għawdex jibda jkollhom żewġ korsiji minflok waħda, mill-Armier saċ-Ċirkewwa.

B’investiment totali ta’ €7 miljun, dan il-proġett se jsir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, bl-ewwel interventi se jibdew fuq it-triq mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa.

Bonett spjega kif b’dan il-proġett se tkun qed titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku filwaqt li tiżdied l-organizzazzjoni fiż-żona, “Dan il-proġett...huwa l-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi li mistennija jittieħdu fix-xhur li ġejjin biex inkomplu nnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku f’żoni ewlenin tal-pajjiż.” 

Waqt żjara fiċ-Ċirkewwa, uffiċjali ta’ Infrastructure Malta spjegaw kif il-proġett ser jinqasam f’fażijiet differenti, bil-ħidma l-ewwel tkun iffukata mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn l-Għassa tal-Pulizija/Terminal taċ-Ċirkewwa. 

L-istrutturi tal-ħadid li jifirdu l-karreġġjati ser jinbidlu u minflokhom ser isiru strutturi tal-konkrit, strutturi ċċertifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli. 

Ser tinbidel ukoll l-istruttura eżistenti tal-pont ta’ fuq il-mina li tagħti lejn il-Moll tan-Nofsinhar, wara li saritlu ħsara estensiva kawża tal- elementi. 

Il-karreġġjata tar-roti eżistenti fit-triq mir-roundabout tal-Marfa saċ-Ċirkewwa se tibqa kif inhi u anke titwessa’ f’ċertu żoni, filwaqt li se tiżdied rotta alternattiva minn Triq ta’ Msid biex iċ-ċiklisti jgħaddu mill-Armier sal-Marfa. 

Ittieħdu wkoll il-prekawzjonijiet kollha biex ma jingħalaqx l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-terminal għall-ħaddiema li jaħdmu fl-akkwati u biex ma tinħoloqx konġestjoni ta’ traffiku u tikkawża ostakli.  

More in Socjali