Nirien f’żoni rurali kienu l-ikbar battikata għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-2023

B’kollox, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili intervjena f’5,995 inċident fl-2023

Nirien f’żoni rurali kienu l-iktar tip ta’ nirien li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivilii kellu jaffaċċja matul l-2023. 

Numru maħruġa mill-Ministru għall-Intern, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Kelliem Nazzjonalista Darren Carabott, tefgħu dawl fuq l-inċidenti li fihom intervjena d-Dipartiment. 

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tratta mal-1,008 każ ta’ nirien f’żoni rurali, ċifra li tegħleb kull tip ta’ nirien ieħor.  

Minħabba t-temp niexef u riħ qawwi li ġab miegħu s-sajf 2023, id-Dipartiment sab ruħu jfakkar iktar minn darba lill-pubbliku biex joqgħod attent u jkun responsabbli billi jieħu prekawzjonijiet meħtieġa meta jżur żoni rurali.  

Fost in-nirien li tant issemmew fil-media matul l-2023 kien hemm in-nirien li ħakmu l-Aħrax tal-Mellieħa f’Awwissu. Dakinhar, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ssuspettat li n-nirien tqabbdu apposta. 

Nirien fejn it-Torri l-Aħmar, nirien biswit il-kumpless sportiv fil-Marsa, u nirien ieħor ġewwa l-Mellieħa żammew is-CPD bieżla matul ix-xhur tas-sajf. Dan filwaqt li nirien ġewwa Pembroke f’Settembru ħasdu wkoll il-ħajja tal-pumpier Joseph Zammit.

Il-bidla fil-klima iffaċilitat ukoll il-forza ta’ nirien f’pajjiżi oħra tal-Mediterran, fosthom fil-Greċja, fejn pumpiera Maltin assistew ukoll matul ix-xahar Lulju. 

Min-naħa l-oħra, id-Dipartiment tratta 237 każ ta’ nirien f’residenzi u 64 każ ta’ nirien kummerċjali. 

Skont informazzjoni oħra mressqa fil-Parlament, l-aktar intervent komuni tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu s-sejħiet għall-għajnuna, li ammontaw għal 1,773 każ. 

Is-CPD assistew ukoll għal 1,719 inċident ta’ tixrid ta’ żejt. 

Ġew irreġistrati b’kollox madwar 528 operazzjoni ta’ salvataġġ, kif ukoll 92 inċident fejn intużaw ir-riżorsi HAZMAT. Fl-istess ħin, l-inċidenti dwar l-għargħar ammontaw għal 31. 

B’kollox, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili intervjena f’5,995 inċident fl-2023. 

More in Socjali