Iktar minn tlett miljun turist iżur Malta fl-2023

In-nefqa totali tat-turisti ġewwa Malta titla’ minn €2.02 biljun fl-2019 għal €2.7 biljun fl-2023

Is-sena 2023 ġiet imnaqqxa bħala s-sena li rat rekord ta’ turisti matulha.  

Figuri maħruġa mill-ministeru tat-Turiżmu matul din il-ġimgħa wrew li iktar minn tliet miljun (3,002,823) żaru Malta, 8.3% iktar minn qabel il-pandemija fl-2019, meta żaru Malta 2.77 miljun turist. 

Iċ-ċifri jinnotaw tendenzi ġodda, partikolarment minn fejn qed jiġu dawn it-turisti. Fejn qabel l-Ingliżi kienu jsibu lil Malta bħala l-aktar destinazzjoni għal qalbhom, b’sena wara sena jkunu l-aktar turisti li jżuru l-gżira, għall-ewwel darba t-Taljani huma l-aktar li żaru lil Malta (18.4%). 

Din iċ-ċifra kienet riżultat tal-ekonomija inċerta fis-suq Ingliż tant li dan ix-xahar ħabbret ukoll riċessjoni.  

Franza (9.6%), il-Ġermanja (7.3%), il-Polonja (5.6%) u Spanja (3.8%) segwew l-Italja u l-Ingilterra (18.1%). 

L-iktar turisti li żaru Malta kienu bejn il-25-44 sena (39%) filwaqt l-anzjani ’l fuq minn 65 sena kienu l-inqas, b’9% biss jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni tagħhom. 

It-turisti fl-2023 qattgħu 20.2 miljun lejl f’Malta, 5% iktar mill-2019. Madankollu, it-tul medju tal-btala tagħhom naqas b’0.2% bit-turisti jqattgħu medja ta’ ftit inqas minn sebat ijiem fl-2023. 

In-nefqa totali tiżdied għal ftit inqas minn tliet biljun ewro 

In-nefqa totali tat-turisti żdiedet minn 2.02 biljun ewro fl-2019 għal 2.7 biljun ewro. Kull turist nefaq medja ta’ €898 matul il-vjaġġ kollu, meta mqabbel ma’ €807 fl-2019, bin-nefqa ta’ kuljum tiżdied ukoll minn €115 għal €132. 

Filwaqt li n-nollijiet tal-ajru u tal-baħar baqgħu fost l-inqas kategoriji ta’ nfiq għat-turisti, “spejjeż oħra” kienu l-aktar kategorija primarja ta’ nfiq. Din tiftaħ fuq firxa vasta ta’ attivitajiet u servizzi li għamlu użu mit-turisti matul iż-żjara tagħhom f’Malta. 

2024 mbassra li tkun sena rekord oħra 

It-turiżmu internazzjonali rkupra għal 88% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija, b’madwar 1.3 biljun wasla madwar id-dinja, li mmarka żieda ta’ 34% mill-2022. Fl-Ewropa, Malta kienet bħala waħda mid-destinazzjonijiet bl-aħjar prestazzjoni, billi tirkupra 96% taċ-ċifri tal-2019. 

B’ħarsa ’l quddiem lejn l-2024, il-projezzjonijiet mill-Organizzazzjoni Globali tat-Turiżmu jindikaw irkupru sħiħ għal-livelli tat-turiżmu ta’ qabel il-pandemija, bi tkabbir mistenni ta’ 2% mill-figuri tal-2019.  

Fil-fatt Malta mistennija taqbeż it-3 miljun wasla ta’ turisti deħlin fl-2024. 

More in Socjali