Steve Agius jinħatar bħala l-Kap Eżekuttiv ta' Identità

Għal dawn l-aħħar erba’ snin, Steve Agius okkupa l-kariga ta’ Chief Operating Officer fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll kien il-kap tal-programm nazzjonali tat-tilqim tal-COVID-19

Steve Agius inħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-aġenzija Identità
Steve Agius inħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-aġenzija Identità

Steve Agius jinħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-aġenzija Identità. Dan ħabbru l-Ministeru għall-Intern.

Għal dawn l-aħħar erba’ snin, Steve Agius okkupa l-kariga ta’ Chief Operating Officer fl-Isptar Mater Dei. Huwa kien il-kap tal-programm nazzjonali tat-tilqim tal-COVID-19 u kien responsabbli għat-tnedija tat-tilqim. 

Qabel ma ħa l-irwol tiegħu fl-Isptar Mater Dei, serva bħala Chief Information Officer mar-regolatur nazzjonali tat-telekomunikazzjoni. Qabel dan, kien Project Manager, li mexxa bosta proġetti lokalment u barra minn Malta fl-Immaniġġjar Strateġiku tal-Informazzjoni, it-trasformazzjoni tan-negozju u l-iproċessar ta’ mmudellar.

Minbarra r-responsabbiltajiet professjonali tiegħu, Agius huwa visiting lecturer fl-Università ta’ Malta, fejn jagħti lekċers dwar dejta analitika. 

Huwa gradwat fis-Sistemi tal-Informazzjoni u l-Kompjuter u MBA fl-e-Business. Huwa qed isegwi Dottorat fl-użu tad-data fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi mal-Università ta’ Malta u l-Università John Moores f’Liverpool.

Il-Ministru Byron Camilleri awgura lil Steve Agius għal dan l-irwol ġdid fi ħdan Identità.

Il-Ministru Camilleri rringrazzja wkoll lill-Kurunell Mark Mallia għall-ħidma importanti tiegħu fl-Aġenzija tal-Identità matul is-snin li għaddew.

More in Socjali