UPE: In-nuqqas ta' proċeduri essenzjali qed ipoġġu lill-edukaturi f’riskju potenzjali ta' saħħa

L-Unjoni tikkundanna lill-istat u lill-MUT talli naqsu milli jinnegozjaw proċeduri fil-passat

Il-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qalet li t-tħassib li tqajjem fost il-ġenituri tal-istudenti li jattendu ċ-ċentru tar-riżorsi Guardian Angel fil-Ħamrun, ġej minn nuqqas ta’ proċeduri standard. 

Il-union qalet li nuqqas ta’ proċeduri standard u protokol, qed ipoġġu f’riskju lil-Learning Support Educators (LSE’s) u qed jitgħabbew b’responsabbiltajiet legali bla bżonn. “Il-kompiti relatati mal-appoġġ personali u t-trasport huma nieqsa minn linji gwida uffiċjali, u joħolqu ansjetà u biża’ fost l-edukaturi li jitħallew iwettqu dawn id-dmirijiet mingħajr direzzjoni xierqa.”

Aktar kmieni din il-ġimgħa, it-Times of Malta rrappurtat li ġenituri ta’ tfal b’diżabilità severa li jattendu ċ-ċentru ta’ riżorsi għall-edukazzjoni sekondarja mmexxi mill-istat, tkellmu dwar in-nuqqas ta’ persunal imħarreġ u nuqqas ta’ riżorsi biex jilqgħu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti fl-iskola.

Dan ġej sena wara li l-pulizija bdiet tinvestiga allegat abbuż fiżiku minn tliet edukaturi fuq studenti li attendew iċ-Ċentru tar-Riżorsi għall-Edukazzjoni Sekondarja ta’ Guardian Angel.

L-UPE qalet li n-nuqqas ta’ proċeduri essenzjali, protokolli ta’ iġjene personali u linji gwida relatati mat-trasport għal studenti b’diżabilità, jesponi lill-edukaturi għal riskji potenzjali ta' saħħa u riperkussjonijiet legali. "Id-dipendenza fuq il-ġudizzju individwali tħallihom vulnerabbli għal akkużi ta' negliġenza jew abbuż, peress li m'hemmx direttivi ċari dwar kif iwettqu dawn ir-responsabbiltajiet kritiċi."

Qalet li n-nuqqas ta’ linji gwida f’dawn l-oqsma kruċjali jenfasizza l-ħtieġa għal bidla fir-rappreżentazzjoni industrijali tal-LSE’s. Skont il-union, hemm nuqqas ta’ qbil u ma hemm l-ebda test formali dwar proporzjonijiet speċifiċi ta’ LSEs u studenti li jattendu ċentri ta’ riżorsi, inklużi dmirijiet ta’ trasport u kif jitqassmu l-istudenti. 

In-nuqqas ta' valutazzjonijiet preventivi tar-riskju għall-immaniġġjar tal-istudenti, l-imbuttar tas-siġġijiet tar-roti, jew l-użu tat-tagħmir tal-mobbiltà huwa ta' tħassib. Dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju mhumiex obbligatorji qabel ma jiġu ttrattati l-każijiet, kuntrarjament għall-prattiki f'ħafna Stati Membri tal-UE.

L-UPE targumenta li dan l-approċċ huwa inaċċettabbli f’pajjiż li japprezza l-inklużjoni soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema.

l-UPE kkundannat lill-istat u lill-Malta Union of Teachers (MUT) talli naqsu milli jinnegozjaw dawn id-dispożizzjonijiet essenzjali fil-passat, inkluż fil-ftehim kollettiv tal-2017.

Bħala riżultat, LSE's huma esposti għal riskju ta’ saħħa u riperkussjonijiet legali. L-UPE ssostni li fid-dawl ta’ dan, wieħed jista’ jgħid li hemm nuqqas ta’ riżorsi umani, li min-naħa tiegħu jpoġġi piż fiżiku u mentali fuq l-edukaturi li jaħdmu fiċ-ċentru. 

More in Socjali