Waħda minn kull ħames familji Maltin immexxija minn ġenitur wieħed

Iċ-Ċensiment irreġistra li hawn 25,261 persuna separata u 7,291 persuna divorzjata jgħixu f’Malta

Iċ-ċensiment tal-2021 enumera 128,313-il familja differenti li jgħixu f’Malta u Għawdex; minnhom 71% kienu jinkludu ġenituri miżżewġin, 19% familji b’ġenitur wieħed, u 10% msieħba koabitanti.

L-aktar forma tal-familja komuni għadha tikkonsisti minn raġel, mara u tal-inqas wild wieħed. Iċ-Ċensiment sab 56,445 minn dawn in-nuklei tal-familja, li jammontaw għal 44% tan-numru totali ta’ familji Maltin. Dawn kienu jinkludu 15,274 familja fejn l-akbar wild għandu aktar minn 25 sena.

Iċ-Ċensiment jirreġistra wkoll 34,562 familja li jikkonsistu minn raġel u mara mingħajr dipendenza, li jammontaw għal 27% tat-total ta’ familji li jgħixu f’Malta.

It-tielet l-aktar tip ta’ familja komuni f’Malta jikkonsisti f’omm waħedha b’mill-inqas wild wieħed. Iċ-Ċensiment sab 18,166 familja, li kienu jinkludu 6,031 familja li fihom l-iben jew bint għandhom aktar minn 25 sena. Dawn kienu jammontaw għal 14% tan-numru totali ta’ familji.

5,940 familja oħra kienu jikkonsistu f’missier u mill-inqas tifel, li jammontaw għal 5% tan-numru totali ta’ familji. Dawn kienu jinkludu 2,074 familja li fihom l-iżgħar wild kellu aktar minn 25 sena.

Iċ-Ċensiment jirreġistra wkoll 968 familja li kienu jinkludu koppja tal-istess sess. Minn dawn, 287 kienu miżżewġin filwaqt li 681 kienu jikkoabitaw. Intant, 323 minn dawn l-unitajiet tal-familja kellhom tfal residenti li jgħixu fl-istess dar.

Il-familji li kienu jinkludu persui tal-istess sess kienu jammontaw għal ftit inqas minn 1% tan-numru totali ta’ familji.

More in Socjali