President GħMU | “Huma għaqdiet żgħar li qed jiddefendu l-Malti”

Klara Vassallo għall-ewwel darba qiegħda fil-kariga ta’ President tal-Għaqda tal-Malti – Università u tinsab fl-aħħar sena tal-Baċellerat fil-Malti 

Klara Vassallo, President tal-GħMU
Klara Vassallo, President tal-GħMU

“Huma għaqdiet żgħar li qed jiddefendu l-Malti”. Dan kien kliem Klara Vassallo, President tal-Għaqda tal-Malti – Università (GħMU) hekk kif tkellmet mal-gazzetta ILLUM fuq il-lingwa Maltija. 

Vassallo spjegat l-istorja tal-GħMU, li bdiet fl-1931, meta l-kittieba Rużar Briffa u Ġużè Bonnici (dak iż-żmien studenti tal-mediċina) flimkien ħolqu t-tieni l-eqdem għaqda fl-Università, bl-għan li toffri opportunità lill-istudenti li għandhom għal qalbhom il-Malti u jaqsmu din l-imħabba ma’ studenti li għandhom relazzjoni simili mal-Malti u jippubblikaw kitbiet oriġinali bil-Malti, irrispettivament minn liema qasam ġejjin.  

Il-kitbiet jistgħu jkunu minn poeżiji u novelli sa kitbiet akkademiċi u traduzzjonijiet ta’ poeżiji/novelli fost oħrajn. Illum, l-Għaqda tal-Malti tfittex li tippromovi l-lingwa u l-letteratura Maltija fl-Università u lil hinn, permezz ta’ tagħrif u attivitajiet divertenti varji. 

Hija spjegat diversi avvenimenti li l-GħMU tħejji matul is-sena fosthom lejliet letterarji, taħditiet lingwistiċi, logħob, u serati edukattivi u fl-istess waqt divertenti, iżda bla dubju l-ikbar proġett huwa Leħen il-Malti, fejn issir sejħa biex studenti u kittieba jingħaqdu flimkien u jissottomettu tipi differenti ta’ kitbiet. Imbagħad, bord editorjali, li jkun magħmul minn nies li ġejjin minn oqsma differenti tal-Malti, jagħżlu wħud mill-kitbiet biex jinħoloq il-prodott finali, ktieb b’taħlita ta’ perspettivi u opinjonijiet differenti.  

Vassallo spjegat kif fl-edizzjoni tas-sena l-oħra daħlu mal-250 sottomissjoni, bil-ktieb finali jiġi ppubblikat waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. 

Lil hinn mill-avvenimenti tal-GħMU, staqsejnieha għall-opinjoni tagħha fuq id-destin tal-lingwa Maltija. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-Malti sfortunatament huwa lingwa żgħira u allura huwa suxxettibbli, hija faħħret il-komunità ta’ letteratura Maltija, li joħolqu kitbiet affaxxinanti mingħajr daqq ta’ trumbetti jew ħsieb ta’ profitt.  

Hija kompliet tesprimi d-diżappunt li tħoss meta tara siti elettroniċi Maltin li jagħżlu l-lingwa Ingliża biss fuq is-sit. “Inutli nagħmlu dawn il-kampanji favur il-Malti jekk imbagħad ma jingħatax prijorità”, saħqet Klara, filwaqt li kompliet tgħid “hemm negliġenza kullimkien lejn il-Malti, huma għaqdiet żgħar li qed jiġġieldu favur il-lingwa Maltija, li wkoll qed tinqata’ mid-dar.” 

Fil-fatt, lanqas is-sit elettroniku l-ġdid tal-Linja tal-Ajru l-ġdida ma kellu fih l-użu tal-Malti meta ġie inawgurat, u għadu bla lingwa Maltija sal-lum il-ġurnata. Magħhom jingħaqdu diversi siti tal-Gvern li sfortunatament baqgħu jirreżistu l-lingwa Maltija. 

Hija spjegat kif l-għeruq ta’ dawn l-isfidi li l-Malti qed jaffaċċja huwa minħabba nuqqas ta’ fondi hekk kif saħqet, “il-Kunsill jaf x’għandu jagħmel kieku” (b’referenza għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti). Hija sostniet li sfortunatament, minkejja l-investimenti numerużi li jitħabbru matul is-sena, investimenti li jaġevolaw l-aċċessibbiltà tal-lingwa, il-Malti xorta għadu qed jiġi mwarrab.  

Staqsejnieha fuq l-ambizzjonijiet tagħha, speċjalment f’industrija daqshekk żgħira. Hija bdiet tispjega kif kollox idur madwar l-imħabba li għandha għal-lingwa Maltija u qalet: “l-interess tal-lingwa dejjem kien hemm, imbagħad fil-Junior College esplorajt iktar il-lingwa u tgħallimt ngħożżha, grazzi għal-letturi tal-Malti.”  

Hawnhekk, Vassallo ammettiet li għandha relazzjoni unika mal-poeti nisa u spjegat kif ir-rabta speċjali magħhom nibtet għaliex dawn in-nisa qed jirrappreżentaw lilha bħala mara. 

Finalment staqsejnieha fuq il-ħolma tagħha u jekk dik kinitx tallinja ma’ waħda fejn hija ssir awtriċi; hija enfasizzat “nagħmilha għax inħoss il-bżonn li nikteb, imma naf li ma nistax ngħix minn hekk biss, għax Malta hawn suq żgħir ħafna għall-kotba”, argument li frekwentement jidwi f’moħħ l-awturi Maltin. 

More in Socjali