Malta u l-Eġittu jilħqu ftehim dwar kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-qasam tal-enerġija

Ġie iffirmat ftehim bejn Malta u l-Eġittu sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-elettriku; iż-żewġ pajjiżi se jesploraw il-potenzjal ta’ kurituri tal-enerġija virtwali (virtual energy corridors), li jikkontribwixxu lejn il-kisba tad-diversifikazzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli

Ġie iffirmat ftehim bejn Malta u l-Eġittu sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-elettriku.

Il-ftehim ġie ffirmat minn Miriam Dalli, Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u Mohamed Hamed Shaker El-Markabi, il-Ministru għall-Elettriku u Enerġija Rinnovabbli tar-Repubblika Għarbija tal- Eġittu.

Iż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jesploraw il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-interkonnessjoni elettrika indiretta, anke fid-dawl. 

Il-ftehim se jservi wkoll ta' skambju ta’ għarfien tekniku permezz ta’ inizjattivi edukattivi, programmi ta’ taħriġ u qsim ta’ informazzjoni. Dan l-isforz kollaborattiv iħares lejn l-iżvilupp ta’ riżorsi favur proġetti tal- idroġenu u s-suq tal-elettriku.

Il-ftehim jistabbilixxi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni f’oqsma differenti bejn iż-żewġ pajjiżi, l-iskambju ta’ għarfien u kompetenza f’oqsma bħalma huma sorsi ta’ enerġija u l-ġenerazzjoni tal-elettriku, b’attenzjoni fuq id- diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista.

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jikkollaboraw lejn il-kisba ta’ miri nazzjonali ogħla ta’ enerġija mir-rinnovabbli.

Il-Ministru Dalli spjegat li qiegħdin jesploraw "sistemi ta’ enerġija rinnovabbli potenzjali u t-teknoloġiji emerġenti u li nrawmu r-riċerka u l- innovazzjoni fis-setturi tal-enerġija u tal-elettriku." Hija kompliet isostni li "Iż-żewġ pajjiżi jemmnu bis-sħiħ fl-appoġġ li għandu jingħata lis-settur pubbliku u privat fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi u miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija."

Għaldaqstant, Malta u l-Eġittu se jesploraw il-potenzjal ta’ kurituri tal-enerġija virtwali (virtual energy corridors), li jikkontribwixxu lejn il-kisba tad-diversifikazzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

 Dalli  rrimarkat li kooperazzjoni bħal din tista’ tgħin lill-pajjiżi rispettivi li jipprovdu soluzzjonijiet biex jindirizzaw l-isfidi li t-tibdil fil-klima jġib miegħu. F’dan ir-rigward, fost id-disa’ stati tal-UE fil-Mediterran, Malta qed tmexxi ‘l quddiem l-inizjattiva li l-Mediterran jiżviluppa f’hub tal- enerġija ħadra, bl-ambizzjoni li testendi lejn pajjiżi oħra tal-Mediterran.

More in Socjali