Josianne Cutajar ittenni l-impenn lejn Settur Marittimu

Josianne Cutajar kellha laqgħa fil-Port il-Ħieles f’Birżebbuġa bħala parti minn sensiela ta' laqgħat li saru fi Brussell fejn , ġew diskussi l-effetti tal-liġi riveduta dwar l-Iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fil-qasam marittimu (ETS), taxxa ġdida bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vapuri

L-MPE Josianne Cutajar kellha laqgħa fil-Port il-Ħieles f’Birżebbuġa flimkien mas-CEO Alex Montebello u rappreżentanti oħra tal-Malta Freeport Terminals Limited.

Din iż-żjara kienet parti minn sensiela ta’ laqgħat li saru dawn l-aħħar xhur fi Brussell, ma’ rappreżentanti mill-Malta Maritime Forum u l-European Network of Maritime Clusters.

Matul din il-laqgħa, ġew diskussi l-effetti tal-liġi riveduta dwar l-Iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fil-qasam marittimu (ETS), taxxa ġdida bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vapuri, li hi mistennija li tibda tiġi fis-seħħ mis-sena d-dieħla.

Cutajar enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni kontinwa bejn l-istakeholders privati u pubbliċi, kemm fuq livell lokali kif ukoll Ewropew.

Il-liġi kif inhi, mingħajr ma jsiru l-emendi u l-azzjonijiet korrettivi oħra li hemm bżonn f’waqthom, bħall-inklużjoni ta' aktar portijiet kompettitivi mill-Afrika ta’ Fuq taħt is-sistema tal-ETS, se tkun waħda kontroproduttiva.

Se taffetwa b’mod negattiv il-kompetittività tal-portijiet Maltin u portijiet oħra tal-UE fil-Mediterran, hekk kif ħafna mill-attivita’ qed tittrasferixxi ruħha lejn portijiet tal-Afrika ta' fuq li għandhom anqas obbligi kif ukoll standards ambjentali aktar baxxi.

Cutajar proponiet diversi emendi, intervjeniet fil-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni u qed tkompli tagħmel pressjoni kontinwa fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa u tindirizza din ir-realtà malajr kemm jista’ jkun, realta’ li ġġorr magħha riskji ta’ żidiet fil-prezzijiet u impatt negattiv fuq l-impjiegi.

Cutajar tenniet li hemm bżonn jittieħdu azzjonijiet f’waqthom u jiġu indirizzati r-riskji eżistenti għall-portijiet Ewro-Mediterranji, bħal dak Malti, li qed jiġu milquta.

Cutajar kellha wkoll l-opportunità li tiddiskuti l-ħidma diġitali li qed twettaq fuq livell Ewropew u li tara b’mod dirett l-aħħar investimenti diġitali fil-Malta Freeport, fejn esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-użu ta’ għodod diġitali.

More in Socjali