Il-Gvern jissospendi d-diskussjonijiet sakemm l-MUT twiegħed li tieqaf mill-azzjoni industrijali

Il-Gvern mhux se jkompli d-diskussjonijiet mal-Malta Union of Teachers sakemm il-union tisspospendi l-azzjoni industrijali, din l-azzjoni ordnata mill-MUT wasslet biex tħassru laqgħat mal-ġenituri, inkluż laqgħat tal-IEP għal tfal bi bżonnijiet speċjali, u l-ebda żamma tal-attendenza tal-iskola, fost oħrajn

Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima
Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima

Il-Gvern mhux se jkompli d-diskussjonijiet mal-Malta Union of Teachers (MUT) sakemm il-union tissospendi l-azzjonijiet industrijali tagħha.

Dan tħabbar mill-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima li indirizza lill-midja u ta aġġornamenti dwar in-negozjati li għaddejjin.

Il-gvern u l-MUT jinsabu maqfula f’tilwima wara li fallew it-taħditiet dwar ftehim settorjali. Għadu ma ħarġu l-ebda dettalji fil-pubbliku dwar it-talbiet tal-unjin u l-proposta tal-gvern.

L-MUT ordnat azzjoni industrijali li wasslet biex jitħassru laqgħat mal-ġenituri, inkluż laqgħat tal-IEP għal tfal bi bżonnijiet speċjali, u l-ebda żamma tal-attendenza tal-iskola, fost oħrajn. Fis-27 ta’ Novembru huwa ppjanat ukoll strajk għal jum sħiħ.

Minkejja li ssospenda d-diskussjonijiet, Grima qal li l-gvern jaf jerġa’ jibda d-diskussjonijiet, iżda bil-patt li l-MUT tieqaf mill-azzjoni industrijali tagħha.

Grima tenna d-dedikazzjoni tal-gvern biex jiżgura edukazzjoni ta’ kwalità għall-istudenti. Il-ministru appella għal proċess kalm ta’ negozjati.

X'se jiġri s-27 ta' Novembru - Pjan ta’ Kontinġenza

Waqt il-konferenza stampa tal-Ħamis, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Matthew Vella enfasizza l-pjan ta’ kontinġenza tal-gvern jekk l-MUT tkompli bl-azzjoni industrijali tagħha nhar it-Tnejn li ġej.

Dakinhar tal-azzjoni industrijali, it-tfal xorta jistgħu jintbagħtu l-iskola, peress li se jkun  offrut servizz ta’ superviżjoni lill-istudenti. L-istudenti li ma jattendux l-iskola jiġu skużati u ma jkollhomx bżonn jippreżentaw noti jew ċertifikati mediċi.

Vella stqarr li l-iskejjel mhux se jkunu qed joffru servizzi ta’ trasport, Breakfast Club u s-servizzi Klabb 3-16. Dawn jinkludu ċ-ċentri ta’ appoġġ għat-tagħlim fin-Naxxar, il-Fortini, il-Gżira, Bormla u l-Ħamrun. Il-Higher Secondary tan-Naxxar, Gozo Sixth Form, GEM 16+ u l-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv lanqas mhu se jkunu miftuħin. 

Vella żied jgħid li l-ġenituri u l-kustodji tat-tfal se jkunu jistgħu jilħqu call center jekk ikollhom xi mistoqsijiet. Jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu 25981150, kif ukoll billi jċemplu 153.

Is-Segretarju Permanenti stqarr li l-pjan ta’ kontinġenza ġie żviluppat bl-iskop li jiġi żgurat li l-istudenti xorta jkunu jistgħu jmorru l-iskola f’ambjent sigur.

More in Socjali