Jiġi fi tmiemu s-sajf ta’ San Martin

Minkejja li f’Novembru nesperjenzaw temperaturi kemmxejn iktar għolja mis-soltu, dal-perjodu tas-sajf ta’ San Martin wasal fi tmiemu hekk kif il-gżejjer maltin intlaqtu minn maltempata

Matul il-medda taż-żmien, il-poplu Malti minn dejjem kien jistenna b’ħerqa kbira biex jiċċelebra festa jew oħra. Waħda mill-festi tradizzjonali hija dik ta’ San Martin li tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Novembru. B’mod partikolari mit-tfal li mhux darba jew tnejn tismagħhom xi taqbila assoċjata ma’ dan iż-żmien.

Jiem bħal dawn kienu joħolqu okkażżjonijiet ta’ xalar u talb.

Fil-festa ta’ San Martin, il-Knisja tfakkar lil dan il-qaddis għall-kwalitajiet umli tiegħu u kemm kien ħanin mal-foqra. Waħda mill-użanzi li għadha ħajja fost il-Maltin hi li jingħataw boroż bil-frott, ġewż, lewż, qastan jew ġellewż lit-tfal. Dawn jingħataw f’borża taċ-ċaruta magħrufa bħala l-Borża ta’ San Martin.

Jingħad li fl-antik, it-tfal kienu mhux biss jieklu dak li kien ikun hemm fil-borża imma saħansitra jilgħabu bil-ġewż u jimpikaw bejniethom u jaraw min se jirbaħ iktar ġewż.

Barraminnhekk, hemm qwiel u taqbiliet marbuta ma’ dan il-perjodu bħal pereżempju “F’San Martin ikissru l-ġewż, fil-Milied jaqsmuh bews”.

San Martin huwa magħruf ukoll bħala l-patrun ta’ dawk li jgħassru l-inbid u s-sidien tat-taverni. Fil-fatt, dakinhar tal-festa, in-nies kienu jiftħu flixkun inbid mill-ħsad ta’ qabel u kienu jiċċelebraw il-patrun tagħhom b’tazza inbid. Apparti dan, kienu jikkonsmaw ukoll tin, filfatt hemm taqbila tradizzjonali li ħafna semgħu żgur “F’San Martin jiftħu l-inbid u t-tin. San Martin ikisser it-tin u Katarin tisqih mill-fin.”

San Martin huwa qaddis li għex bejn it-316 u 397 W.K. Huwa twieled f’Pannonia, li llum tagħmel parti mill-Ungerija.

San Martin jibqa’ msemmi bħala l-uffiċjal fl-armata tal-imperu Ruman li kien ta biċċa mill-mantell aħmar tiegħu lil wieħed fqir li sabu jterter bil-bard.

Fix-xahar ta’ Novembru Malta tesperjenza temp bnazzi mhux tas-soltu, perjodu li tulu t-temperaturi jogħlew xi ftit u jkunu simili għal dawk tal-jiem tas-sajf. Kien għalhekk li laqqamnieh ‘Is-sajf ta’ San Martin’ u saħansitra għadek tara nies li jerħulha lejn l-bajjiet numerużi mxerrdin madwar il-kosta Maltija.

Il-Baħrija jiċċelebraw il-festa ta’ San Martin u anke jorganizzaw fiera li tkun akkompanjata b’mużika tal-għana, ikel u ma nistgħux ninsew il-premji li jintrebħu.

Ġewż, lewż, qastin, tin

Kemm inħobbu ‘l San Martin

More in Socjali