Cassola | 'Din iċ-ċajta ta’ Kummissarju jrid jitneħħa mill-poter'

L-attivist Andre Callus spiċċa arrestat wara li tkaxkar mill-pulizija quddiem is-siġar tal-Mosta f’protesta kontra l-qlugħ tas-siġar, Arnold Cassola jgħid li "l-pajjiż laħaq l-iktar ħofor fondi" 

L-attivist tal-Moviment Graffitti Andre Callus tkaxkar minn grupp ta’ pulizija u ġie arrestat waqt azzjoni ta’ protesta ħdejn is-siġar tal-Mosta li tneħħew it-Tnejn filgħodu.  

Bħalissa l-attivisti qed jimblukkaw lill-ħaddiema milli jagħmlu ċnut maż-żona tas-siġar, biex jiġi evitat li s-siġar jinqalgħu għalkollox. 

Fil-proċess, Callus ipprova jwaqqa’ l-barrieri iżda l-pulizija qabduh minn dirgħajh u riġlejh u kaxkruh.  

Il-Pulizija arrestat lil Callus malli imtedd mal-art, u ġarrewh lil hinn mill-grupp ta’ attivisti li kienu miegħu. Huwa ttieħed l-għassa tal-pulizija u ġie interrogat. 

Il-Kandidat Independenti Arnold Cassalo qal li hija tal-"mistħija li l-Kummissarju tal-Pulizija (Angelo Gafà) ordna lis-subordinati tiegħu biex jarrestaw, jimmanetti u jkaxkru attivisti tal-Graffitti, li kienu qed jagħmlu dmirhom lejn il-pajjiż billi jiddefendu wieħed mill-ftit spazji ħodor li fadal fil-Mosta."

Cassola sostna li dan l-istess Kumissarju li ħalla "delinkwenti politiċi bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri jimirħu fit-toroq"  biex imbagħad mar "jarresta attivisti paċifiċi". 

Cassola kompla jgħid li "l-pajjiż laħaq l-iktar ħofor fondi" filwaqt li żied li "din iċ-ċajta ta’ Kummissarju jrid jitneħħa mill-poter li jeżerċita b’mod illeġittimu kontra l-poplu u favur is-sidien politiċi tiegħu."

L-attivisti u r-residenti tal-Mosta ltaqgħu kmieni fi Triq il-Kostituzzjoni barra l-Koppla tal-Mosta nhar it-Tlieta filgħodu, bi protesta għaż-żbir bl-ingrossa tas-siġar maestużi li kienu fuq il-bus stop prinċipali. 

Nhar it-Tnejn l-ERA sostniet li l-kunsill lokali kien se jmexxi s-siġar u jħawwilhom fl-inħawi ta’ Santa Margerita fil-Mosta.  Is-siġar huma magħrufa għar-reżistenza tagħhom, qalet ERA, u li dawn kienu qed jiġu trapjantati fiż-żmien xieraq tas-sena. 

Madankollu, BirdLife Malta qalet li t-tneħħija ta’ dawn is-siġar toħloq theddida serja għall-popolazzjoni tal-għasafar lokali. 

More in Socjali