Investiment ta’ €22 miljun f'skola ġdida fl-Imsida

Il-Ministru Clifton Grima żar is-sit tal-iskola fl-Imsida fejn qed tinbena skola b’40 klassi u spazju b’għamara apposta biex l-għalliema jkunu jistgħu lezzjonijiet fuq barra  

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima dalgħodu żar ix-xogħol li qed isir fl-iskola ġdida fl-Imsida. 

Il-proġett kien jinkludi t-twaqqigħ tal-iskola li kien hemm u l-bini ta’ skola kompletament ġdida fuq l-istess sit. Fuq deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, parti mill-faċċata tal-iskola l-antika nżammet u ġiet inkorporata bħala disinn fil-binja l-ġdida. 

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €22 miljun u se jkun parzjalment iffinanzjat mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Unjoni Ewropea. 

Dan l-investiment se jwassal biex l-Imsida jkollha skola ġdida b’madwar 40 klassi, 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifiċi fosthom l-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika. Din l-iskola ġdida se jkollha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa' madwar 300 persuna. Id-daqs tal-iskola kollha, inkluż iż-żoni ta’ rikreazzjoni, huwa ta’ 10,000 metru kwadru. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young spjega li l-iskola se jkollha kunċett inottiv ta’ “ ‘outdoor classroom environment’ bi spazju fuq barra b’għamara apposta u mdawwar b’siġar, pjanti u fjuri, li fih l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu lezzjonijiet fuq barra.” 

Se jkollha partijiet minnha miftuħin għall-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola, fosthom il-librerija pubblika, is-sala u anki parti mill-ispazju rikreattiv. Taħt l-iskola hemm ukoll parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li jesa’ madwar 180 karozza. 

Parti minn dan il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts, bi spazju ta’ aktar minn 500 metru kwadru fuq barra u fuq ġewwa.   

Il-Ministru Grima tkellem dwar il-proġetti li qed isiru bħalissa mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), mifruxa mal-pajjiż kollu, biex jinbnew skejjel ġodda u jkunu modernizzati u jitkabbru oħrajn. 

Grima enfasizza li “il-budget għas-sena d-dieħla jikkonferma l-impenn li għandu dan il-gvern biex ikompli jtejjeb is-settur edukattiv, mhux biss bi Strateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li se twassal għal trasformazzjoni tas-settur, imma wkoll bl-investiment kontinwu li qed nagħmlu fl-infrastruttura edukattiva”. 

More in Socjali