Il-BirdLife tikkundanna l-qlugħ tas-siġar tal-pjazza tal-Mosta

BirdLife Malta qed tappella b’urġenza lill-awtoritajiet biex iwaqqfu x-xogħol li għaddej, filwaqt li ssemmi l-importanza tas-siġar bħala kenn għall-għasafar

Ritratti: Birdlife Malta
Ritratti: Birdlife Malta

BirdLife Malta kkundannat bil-qawwa d-deċiżjoni li jitneħħew u jinqerdu siġar maġenb il-knisja fi Pjazza l-Mosta. Il-proċess beda t-Tnejn filgħodu mill-Kunsill Lokali tal-Mosta b’approvazzjoni tal-ERA. 

Filwaqt li tesprimi tħassib tagħha, il-BirdLife Malta qed tappella b’urġenza lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-ħidma li għaddejja. F’dan iż-żmien kritiku tas-sena, eluf ta’ Zakak Abjad, Sturnell, u Għasafar tal-Bejt ifittxu kenn fis-siġar matul il-lejl, u jtiru flimkien għas-sigurtà, qalet l-NGO.

Il-BirdLife spjegat li t-tneħħija ta’ dawn is-siġar toħloq theddida serja għall-popolazzjoni tal-għasafar lokali, b’mod partikolari meta wieħed iqis li dan huwa l-uniku sit ta’ rqad għaz-Zakak Abjad barra l-Belt Valletta. BirdLife Malta ssostni li d-deċiżjoni li jitneħħew dawn is-siġar hija waħda żbaljata.

Intant, l-NGO ħarġet ukoll reazzjoni għall-qtil illegali tas-Sibt ta’ flamingo fil-Qalet Marku.

Il-grupp stqarr li l-qtil kien tort tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru t’Għawdex Clint Camilleri.

BirdLife Malta rringrazzjat lil dawk involuti fir-rappurtar tal-inċident, kif ukoll lill-pulizija talli ħadu l-inċident bis-serjetà.

 

More in Socjali