Deċiżjoni li mara Ukrena ma tiġix eżentata minn reġistrazzjoni ta’ vettura annullata

Fil-25 ta’ Frar 2022 il-koppja u l-familja tal-mara, inkluż ommha, missierha, uliedha, u l-annimali domestiċi tagħhom, ħarbu minn Kiev b’żewġ vetturi, inkluż it-Toyota Rav 4 tal-mara, u saqu lejn il-Belt ta’ Lviv, u mbagħad resqu lejn il-fruntiera tal-Polonja sabiex ikunu jistgħu joħorġu mill-pajjiż u jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Malta

Deċiżjoni li mara Ukrena, li flimkien ma’ żewġha u t-tfal tagħhom, saqet bil-karozza mill-Ukrajna sa pajjiżna minħabba l-gwerra ma tiġix eżentata mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vettura minħabba li ma niżżlitx id-data tal-wasla tagħhom, ġiet annullata minn maġistrat. 

Hekk iddeċieda t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea fis-6 ta’ Novembru, fil-kawża li fetħet il-mara f’Awwissu 2022 kontra l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. 

Fir-rikors tagħha, il-mara Ukrena spjegat li hi miżżewġa raġel Malti sa mill-2009 u li kienu ilhom jgħixu fi Lviv mill-2012. Ingħatat Karta ta’ Identità Maltija fl-2017. 

Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-forzi armati Russi fl-24 ta’ Frar tal-2022, il-koppja kienu sfurzati jitilqu mid-dar tagħhom fi Kiev, kemm minħabba l-periklu iminenti għal ħajjithom mill-avvanzi tat-truppi Russi, kif ukoll minħabba l-bumbardamenti mill-ajru. Għaldaqstant fil-25 ta’ Frar 2022 il-koppja u l-familja tal-mara, inkluż ommha, missierha, uliedha, u l-annimali domestiċi tagħhom, ħarbu minn Kiev b’żewġ vetturi, inkluż it-Toyota Rav 4 tal-mara, u saqu lejn il-Belt ta’ Lviv, u mbagħad resqu lejn il-fruntiera tal-Polonja sabiex ikunu jistgħu joħorġu mill-pajjiż u jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Malta. 

Matul dan il-perjodu, il-mara u l-familja tagħha kienu f’kuntatt kontinwu mal-Assistent tal-Ambaxxatur Malta fl-Ukrajna, Oleg Klymuk u anke mal-Konslu għal Malta fl-Ukrajna, Shaun Chircop. Huma saħqu li l-familja tal-mara kellhom jaħarbu mill-pajjiż bi kwalunkwe mezz possibbli u bil-ftit oġġetti u dokumenti li setgħu jġorru magħhom fil-vettura tagħhom. 

Wara li kellhom jorqdu għal tlett ijiem fil-vetturi tagħhom, fl-1 ta’ Marzu 2022 irnexxielhom jidħlu fil-Polonja u saqu minn pajjiż għall-ieħor għal aktar minn ġimgħa sabiex imbagħad fid-9 ta’ Marzu 2022 huma qabdu katamaran minn Pozzallo għal Malta bil-vetturi tagħhom. 

Waqt li kienu iżolati fi kwarantina wara l-wasla tagħhom f’Malta, huma staqsew lill-kumpanija tal-assikurazzjoni, lil Transport Malta, kif ukoll lill-Konslu għal Malta fl-Ukrajna fuq il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-vettura u dawn kollha infurmawhom li kellhom seba’ xhur wara l-wasla tal-vettura f’Malta qabel ma kellhom jieħdu azzjoni. 

Madankollu, meta żewġha kien mar l-uffiċċju ta’ Transport Malta f’Raħal Ġdid f’Mejju sabiex jikseb aktar informazzjoni dwar dak li kellu jsir sabiex il-vettura tkun tista’ tiġi użata legalment fit-territorju Malti għal perjodu itwal minħabba li kien evidenti li mhux ser ikun possibbli li jirritornaw l-Ukrajna fil-qrib kawża tal-gwerra li għadha għaddejja, huwa ġie infurmat illi l-applikazzjoni għall-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni kellha ssir fi żmien 30 jum mill-wasla tal-vettura f’Malta, u għaldaqstant it-terminu kien skada u l-eżenzjoni ma setgħetx tapplika aktar. 

Il-mara ddeċidiet li tapplika xorta waħda u flimkien mal-applikazzjoni sabiex il-vettura tinġieb b’mod permanenti f’Malta u tingħata eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, hija kitbet ukoll ittra li fiha spjegat li ma kinitx applikat fi żmien 30 ġurnata għaliex kienet ingħatat informazzjoni ħażina. 

Minkejja l-applikazzjoni u l-kjarifiki, fis-16 ta’ Lulju 2022 irċeviet l-ittra ta’ rifjut mit-Transfer of Residence Exemption Board, fi ħdan il-Minsteru għall-Finanzi u Xogħol, fejn fiha ġiet infurmata li wara li ġiet evalwata l-applikazzjoni tagħha, din ma setgħetx tiġi aċċettata. 

Għaldaqstant il-mara Ukrena interponiet appell minn dik id-deċiżjoni. 

Quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, hi kienet xehdet li fiż-żmien li kienu ħarbu hi u l-familja tagħha ma kellhomx ħsieb li jittrasferixxu r-residenza ordinarja tagħhom hawn Malta. Iżda meta l-gwerra bdiet titwal bdew jesploraw x’possibbiltajiet kien hemm li jibqgħu f’Malta għal iktar żmien, fosthom kif kienu se jżommu l-vettura f’Malta. Meta għamlu r-riċerka tagħhom huma ġew mgħarrfa li kellhom seba’ xhur ċans biex jirreġistraw il-vettura hawn Malta. 

Madanakollu f’Ġunju 2022 irrealizzaw li kienu se jibqgħu f’Malta għal ftit żmien mhux ħażin u li għalhekk riedu jagħmlu l-arranġamenti kollha neċessarji biex jibdew joqogħdu hawn Malta. Hija spjegat li fil-verità ma tistax tgħid li l-intenzjoni tagħha hija li toqgħod hawn Malta u ċaħdet li l-Bord kien ikkomunika magħha dwar meta infurmat lill-Kummissarju tat-Taxxa li ħadet ir-residenza tagħha hawn Malta.

Minħabba li l-mara kienet ilmentat li ma kinitx ingħatat raġuni adekwata fid-deċiżjoni ta’ rifjut, it-Tribunal qal li kien ikun ferm siewi li d-deċiżjoni tal-Bord titfa’ dawl fuq is-sustanza tar-rifjut u mhux sempliċement tagħmel referenza għal Regolament u tiċċitah.

Ir-Regolament f’dan il-każ kellu żewġ raġunijiet li setgħu wasslu lill-Bord jasal għad-deċiżjoni tiegħu: il-kwistjoni dwar meta r-rikorrenti ttrasferiet ir-residenza tagħha hawn Malta, u/jew jekk għaddiex it-terminu preskritt sabiex tidħol l-applikazzjoni. 

Idealment, ir-raġuni speċifika fuq liema premessa dik id-deċiżjoni tkun ibbażata kellha tiġi indikata b’mod li ma jħalli l-ebda dubju f’moħħ dak li jkun jekk iridx jappella mill-istess deċiżjoni. 

It-Tribunal innota li kien hemm mill-inqas żewġ raġunijiet li setgħu jagħtu lok għar-rifjut tal-eżenzjoni. Dawn iż-żewġ raġunijiet jistgħu ikunu kemm kumulattivi, jiġifieri l-applikant ma jkun issodisfa l-ebda kriterju, jew inkella jista’ jkun li l-applikant ma jkunx issodisfa xi wieħed biss mill-kriterji mitluba. 

Għalhekk it-Tribunal qal li jkun xieraq li l-Bord ikun aktar speċifiku meta jiġi biex jirrifjuta applikazzjoni u ma jagħmilx biss referenza ġenerika għall-artikolu tal-liġi bħala l-bażi tar-rifjut tiegħu. 

Il-Maġistrat innotat li l-applikazzjoni tal-mara turi illi hija ddikjarat li ħadet ir-residenza tagħha hawn Malta fid-9 ta’ Marzu 2023 filwaqt li ma mlietx il-parti fejn kellha tiddikjara meta l-vettura inkwistjoni waslet fil-pajjiż. 

Madanakollu, mal-istess applikazzjoni hija hemżet il-biljetti tal-Virtu Ferries li jindikaw li l-vettura waslet fl-istess ġurnata. Wara li l-Bord irċieva din l-applikazzjoni, iċ-Chairman ikkomunika mar-raġel tar-rikorrenti fuq l-indirizz elettroniku pprovdut fl-imsemmija applikazzjoni, fejn fost affarijiet oħra talbu jibgħat email lill-Kummissarju tat-Taxxa, ikkupjat lilu, sabiex jiddikjara d-data attwali li martu għamlet it-trasferiment tar-residenza tagħha. 

Jirriżulta li għalkemm ir-raġel tar-rikorrent wieġeb li kien se jagħmel dak mitlub, dan ma sarx. Ir-raġel saħaq li dan ma sarx għaliex iċ-Chairman tal-Bord kien ċempillu u qallu biex għalissa ma jmexxi xejn.

Iċ-Chairman qal lit-Tribunal li ma jiftakarx li kien ċempel u spjega kif kull kuntatt mal-applikanti ġeneralment isir permezz ta’ email. 

Fl-assenza ta’ prova ta’ din it-telefonata li kellha ssir koppja, it-Tribunal ma setax jistrieħ 

fuq dak li qal ir-raġel tar-rikorrenti, tal-inqas minħabba l-fatt illi d-dikjarazzjoni tat-trasferiment tar-residenza huwa rekwiżit sabiex tiġi stabbilita d-data tat-trasferiment ta’ residenza f’applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni.  

Iżda minkejja li r-rikorrenti m’għamlitx din id-dikjarazzjoni, il-Bord kien għażel li jistrieħ fuq id-data mniżżla mill-mara fl-applikazzjoni tagħha, qalet il-Maġistrat. “Il-Bord ma setax jagħmel dan u dan għaliex ma setax arbitrarjament jagħżel li jistrieħ fuq l-imsemmija data meta l-liġi torbot id-data tat-trasferiment ta’ residenza ma’ rekwiżiti oħra, liema rekwiżiti kienu nieqsa.” 

Għalhekk, quddiem it-Tribunal u quddiem il-Bord ma nġabet l-ebda prova soda tad-data ta’ meta r-rikorrenti ddikjarat li ttrasferiet ir-residenza tagħha mal-Kummissarju għat-Taxxi.  

U ladarba l-liġi torbot id-data tat-trasferiment tar-residenza mad-data ddikjarata mal-Kummissarju għat-Taxxi, il-Bord kellu jiddeċiedi l-applikazzjoni wara li jirċievi konferma li r-rikorrenti ddikjarat it-trasferiment tagħha mal-Kummissarju tat-Taxxi. 

Għaldaqstant it-Tribunal iddeċieda li jirrevoka u jannulla d-deċiżjoni appellata sabiex il-Bord jagħti żmien qasir lill-mara sabiex tagħmel id-dikjarazzjoni rikjesta mil-liġi mal-Kummissarju tat-Taxxi, u wara li ssir, jew fin-nuqqas tagħha, il-Bord għandu jieħu deċiżjoni mill-ġdid. 

More in Socjali