Iktar minn nofs il-first-time buyers jixtru meta jkunu single

Mill-istudju tal-Awtorità tad-Djar jixhed li huma ħafna dawk li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fil-lokalitajiet fejn ikunu diġà jgħixu, partikolarment mal-ġenituri tagħhom 

 

Rapport ippubblikat mill-Awtorità tad-Djar jitfa’ dawl fuq bidla fis-soċjetà Maltija fejn ħafna qed jagħżlu li jixtru l-ewwel propjetà tagħhom qabel ikunu f’relazzjoni jew inkella anke jekk ikunu f’relazzjoni jagħżlu li jixtru għal rashom.  

Dan ir-rapport analizza l-profil ta’ dawk li fl-2023 gawdew minn skema ġdida għall-first-time buyers, fejn huma jingħataw €1,000 fis-sena għal għaxar snin. Għal din l-iskema daħlu 3,103 applikazzjonijiet b’suċċess li jirrappreżentaw 4,509 individwu. 73% ta’ dawn huma fl-etajiet ta’ bejn 25 u 34 sena. Kien hemm ftit iktar minn 5% li għandhom inqas minn 25 sena. Kienu 52% li kienu benefiċjarji single u 48% koppji. B’mod totali, 55% ta’ dawk li gawdew huma rġiel u 45% huma nisa. Il-propjetajiet inxtraw madwar il-pajjiż kollu, propjament f’66 lokalità, bl-iktar komuni jkunu San Pawl il-Baħar, iż-Żurrieq, Birkirkara, il-Mosta, u Ħaż-Żabbar. F’Għawdex kienu x-Xagħra, in-Nadur u Ta’ Sannat l-aktar popolari.  

Mill-istudju tal-Awtorità tad-Djar jixhed li huma ħafna dawk li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fil-lokalitajiet fejn ikunu diġà jgħixu, partikolarment mal-ġenituri tagħhom. 48% tal-benefiċjarji minn din l-iskema xtraw fl-istess lokalità fejn kienu diġà jgħixu.  

Kif mistenni, l-appartamenti kienu l-iktar tipi ta’ propjetajiet popolari, ma’ persuni single jerġa’ iktar minn fejn hemm il-koppji. Nofs il-propjetajiet mixtrija kienu ta’ bejn €150,000 u €250,000. Kif mistenni l-koppji jonfqu iktar u b’34% jixtru propjetajiet ta’ bejn €250,000 u €300,000 u iktar minn €300,000 sa €350,000 b’14%. Kien hemm madwar 15% tal-koppji li investew iktar minn €400,000.

More in Socjali