Il-Vatikan iħabbar li persuni ‘transgender’ issa jistgħu jitgħammdu, ikunu parrini u xhieda f’tiġijiet

L-uffiċċju duttrinali tal-Knisja jippubblika tliet paġni fuq il-websajt li jiddiskutu l-involviment ta’ individwi ‘transgender’ fil-knisja, jindirizzaw l-eliġibilità tagħhom bħala parrini, xhieda fit-tiġijiet, u l-kapaċità tagħhom li jitgħammdu

Persuni ‘transgender’ issa jistgħu jitgħammdu, isiru parrini fil-magħmudijiet u wkoll xhieda fit-tiġijiet, ikkonferma l-uffiċċju duttrinali tal-Knisja nhar il-Ħamis.

Il-Papa Franġisku ilu jagħmel ftit tentattivi f’dawn l-aħħar snin bit-tama li jagħmel il-Knisja aktar akkoljenti mal-komunità LGBTIQ.

“Anke jekk aħna midinbin, Hu jersaq qrib biex jgħinna,” qal lil persuna ‘transgender’ f’Lulju.

Id-deċiżjoni iżda ttieħdet wara li l-Isqof Brażiljan José Negri kiteb lid-Dikasteru tad-Duttrina tal-Fidi tal-Knisja b’sitt mistoqsijiet dwar persuni LGBTIQ u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-magħmudija u ż-żwieġ.

L-uffiċċju duttrinali tal-Knisja ppubblika fuq il-websajt tiegħu tliet paġni bi tweġiba, kollha ffirmati mill-kap tad-dikasterju – il-Kardinal Arġentin Víctor Manuel Fernández – u kollha approvati mill-Papa Franġisku.

Id-dokument jgħid li persuna ‘transgender’ tista’ tirċievi l-magħmudija taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jemmnu  anke wara li tkun għaddiet minn trattament ormonali u kirurġija ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tas-sess.

Persuni ‘transgender’, skont id-dokument, jistgħu wkoll isiru parrinu jew parrina.

Id-dokument jgħid li s-saċerdoti huma liberi li jirrifjutaw talbiet fuq prova ta’ “periklu ta’ skandlu, leġittimizzazzjoni żejda jew diżorjentazzjoni fl-isfera edukattiva tal-komunità tal-knisja”.

Dwar il-kwistjoni li titratta ġenituri tal-istess sess li jadottaw jew jużaw ‘surrogate mother’ jistgħux ikollhom tarbija mgħammda fil-Knisja, il-Vatikan qal li d-deċiżjoni ta’ qassis ikollha tkun ibbażata fuq “tama li hu jew hi tkun edukata fir-reliġjon Kattolika”.

L-istess intqal dwar jekk persuna f’relazzjoni bejn persuni tal-istess sess tistax tkun parrina fil-magħmudija tal-Knisja, sakemm “tgħix ħajja konformi mal-fidi”.

More in Socjali