L-Għawdxin jgħidu tagħhom fuq il-mina, il-metro' u l-mitjar

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex kienu fost dawk li stqarru li proġetti infrastrutturali simili saru barra minn Malta u mhijiex xi ħaġa impossibbli għall-gżejjer Maltin, filwaqt li d-deputat Nazzjolanist Għawdxi Chris Said jisħaq li għandu jsir referendum li fih l-Għawdxin tingħatalhom l-opportunità biex jiddeċiedu

Fl-2022, il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex kien twarrab mal-ġenb, kemm minħabba l-pandemija li ħakmitna tal-COVID19, kif ukoll minħabba sitwazzjonijiet oħrajn li kienu qed iseħħu madwarna. Madanakollu, il-proġett tal-mina xorta jibqa’ wieħed li jissemma. Hija tema kemxejn kontroversjali għal uħud iżda xorta waħda tibqa’ ħajja. Fl-2022, il-Ministru għal Għawdex ressaq applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Skont il-pjan, huwa mistenni li r-runway eżistenti ta’ 271 metru se ssirilha estenzjoni u tilħaq it-tul ta’ 445 metru.   

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ wħud li taw il-fehma tagħhom. Tkellimna mal-eks Sindku Laburist tax-Xagħra, Christian Zammit fejn esprima l-opinjoni tiegħu li “pajjiżna jrid jaħseb f’sistema ta’ metrò issa li ormaj resqin lejn 600,000 abitant”. Huwa kompla jgħid li s-sistema tal-metrò jrid ikollha fergħa li twassal sar-Rabat Għawdex u li “pajjiżna ’l hemm irid jimmira fejn jirrigwarda mini”. 

Zammit kompla jisħaq li metrò taf tkun ta’ benefiċċju ambjentali hekk kif skontu sistema ta’ metrò hija l-unika infrastruttura ta’ transport li biha jitnaqqas it-traffiku fit-toroq Maltin u id f’id ma’ dan, jitnaqqas it-tniġġis fl-ajra mid-duħħan tal-karozzi. Zammit kompla jtenni li huwa inutli jkollna trasport b’xejn fil-gżejjer tagħna mentri mbagħad “pajjiżna jibqa’ b’mijiet ta’ eluf ta’ karozzi fit-triq”. 

Is-Sindku qal li tali sistemi tat-trasport implimentawhom pajjiżi oħrajn, allura Malta tista’ timplimenta l-istess sistema. Huwa spjega li nistgħu nimmiraw għal żewġ fergħat, waħda min-naħa tal-Lvant mir-Rabat, l-Imdina sal-Belt Valletta, u t-tieni linja min-naħa ta’ fuq għal isfel t’Għawdex sa Marsaxlokk. “Ovvjament tali proġett jirrikjedi kapital enormi u ħin” stqarr Zammit.  

Minn banda oħra, ftit tas-snin ilu kienet ġiet proposta estenzjoni fil-Ħeliport t’Għawdex fix-Xewkija, li qajjem kemxejn tħassib dwarha speċjalment lil residenti li joqogħdu viċin. Meta mistoqsi dwar ir-‘rural airfield’, Zammit temm jgħid li “nemmen li din tista’ toħloq diversi benefiċċji ekonomiċi li minnha jgawdi Għawdex, mingħajr ma tgħarraq l-ambjent”. 

Staqsejna wkoll lil Joe Borg, il-President tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex fejn saħaq li bħala Kamra jibqgħu jemmnu li huwa proġett essenzjali għall-gżira Għawdxija. Borg qal li Għawdex huwa limitat għaliex jiddependi minn punt wieħed ta’ aċċessibbiltà. Eventwalment għad tidħol aċċessibbiltà oħra permezz tal-ajru f’Għawdex iżda xorta se tkun waħda limitata. Borg qal li preżentement, il-port tal-Imġarr huwa limitat, “li anke jekk inti tkun trid tkabbar is-servizzi marittimi f’dan il-port, dan joffri sfidi kbar”. Huwa kompla jitkellem fuq l-infrastruttura tat-triq li twassal għall-Imġarr u sostna li “jekk tiġri xi ħaġa f’din it-triq, Għawdex prattikament jieqaf”.  

Meta ġiet proposta l-mina bħala linja li tgħaqqad lil Malta u Għawdex, kienu ħafna l-kummenti negattivi u kritiċi li qamu, fosthom dwar il-kostruzzjoni li tiġi ġġenerata fuq il-gżira. Minkejja dan, Borg jgħid li “sfortunatament kellna żvilupp eċċessiv li ma kienx tort tal-mina imma tan-nuqqas ta’ politika ċara tal-ippjanar fuq Għawdex”. Il-Kamra tan-Negozju stqarret li proġetti simili saru barra minn Malta u mhijiex xi ħaġa impossibbli għall-gżejjer Maltin u b’hekk huwa proġett “fattibbli u finanzjarjament sostenibbli”.  

Borg qal li tali proġett jiffaċilita ħafna ħajjet dawk li jivvjaġġaw kuljum minn gżira għal oħra minkejja li l-istruttura tat-trasport preżenti toħloq bottlenecks. Bil-mina, it-trasport jitqassam b’mod sostenibbli u jekk Għawdex ikollu punt ta’ aċċessibbiltà ieħor, ma jkunx hawn limitazzjonijiet tal-ħin.  

Borg qal li tnaqqis ta’ dan il-ħin mitluf jagħmilna iktar effiċjenti. Proġett bħal dan jimpatta lil kulħadd minn kumpaniji, ħaddiema u studenti li jistudjaw Malta.  

“Minkejja l-isforzi li noħolqu opportunitajiet f’Għawdex, Għawdex qatt ma jista’ jkun kollox għal kulħadd u għalhekk kemm jista’ jkun għandu jkun hemm l-isforz li jitnaqqsu l-iżvantaġġi li jeżistu bejn iż-żewġ gżejjer”. 

Dwar il-mitjar, ġie nnutat li Għawdex diġà kellu forom ta’ servizzi tal-ajru, u Borg qal li l-kunċett ta’ mitjar żgħir hija idea tajba – “kull forma ta’ aċċessibbiltà tgħin”. Apparti dan, Borg qal li servizz tal-ajru jkun ta’ sostenn kbir għas-settur turistiku. Il-kelliem spjega kif dan il-proġett u l-proposti ppreżentati miegħu, għandu joffri wkoll skop għal niċeċ ġodda fejn jidħlu skejjel tal-avjazzjoni u kif ukoll ittestjar ta’ ‘drones’. Barra minn hekk, l-impatt fuq l-ambjent huwa wieħed minimu għax din se ssir f’forma ta’ mitjar żgħir u se tintuża biss art li bħalissa fiha ġie mormi skart tal-kostruzzjoni. 

Ġie propost li r-runway ssirilha estenzjoni u tilħaq 445 metru
Ġie propost li r-runway ssirilha estenzjoni u tilħaq 445 metru

Tkellimna wkoll mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said fejn qasam magħna r-reazzjoni tiegħu u x’pożizzjoni jieħu fir-rigward ta’ dan il-proġett. Min-naħa tiegħu Said saħaq li għandhom isiru l-istudji kollha neċessarji minn esperti f’kull qasam, ibda minn studji ġeoloġiċi sa dawk soċjali, ambjentali, ekomoniċi u oħrajn. Huwa kompla jgħid li għall kull studju li jseħħ, għandu jiġi ppubblikat fl-intier tagħhom u saħansitra jiġu mfissra lill-pubbliku. Said ma waqafx hawn. Huwa sostna li għandha ssir konsultazzjoni pubblika wiesgħa fejn jiġu diskussi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jinbtu minn dan il-proġett u x’impatt jistgħu jħallu fuq il-gżira Għawdxija.  

Fl-aħħar nett, Said qal li wara li tingħalaq il-konsultazzjoni u tinġabar l-informazzjoni kollha mir-riżultati tal-istudji, għandu jsir referendum li fih l-Għawdxin tingħatalhom l-opportunità sabiex jiddeċiedu għandhiex issir il-mina bejn Malta u Għawdex jew le.  

Meta mistoqsi dwar il-proġett li ġie propost fuq il-Ħeliport, Said temm jgħid li “numri ta’ Ministri qalulna li dan ser isir fi żmien qasir” imma għaddew is-snin u dan baqa’ ma seħħ xejn. Rigward dan il-proġett, Said jibqa’ tal-istess fehma u jisħaq li għandhom jittieħdu l-istess proċeduri bħall-proġett tal-mina. Skontu, mhux biss konsultazzjoni u studji ta’ riċerka ta’ vantaġġi u żvataġġi biss, iżda għandha tittieħed konsiderazzjoni lejn in-nies Għawdxin, speċjalment lejn nies li joqogħdu fil-qrib, b’mod partikolari dawk ta’ Għajnsielem u x-Xewkija li se jkunu l-iktar milquta minn dan il-proġett.  

Intant, Franco Mercieca, Eks-Chairman tal-Kumitat għall-Ambjent, kien kiteb fir-riżenja tiegħu mill-Bord, li l-imbuttatura konsistenti għat-trasformazzjoni tal-infrastruttura għall-gżejjer Maltin kienet għal qalbu.  

Mercieca kien idderieġa dan il-proġett għal erba’ snin qabel ir-riżenja tiegħu, hekk kif kienu għadhom kif ġew imħabbra erba’ entitajiet li kienu qed jitfgħu offerti sabiex jiddisinjaw il-bini u manutenzjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex. Mercieca ħalla f’idejn l-evalwazzjoni tal-bord sabiex il-ħolma ta’ ħafna Għawdxin isseħħ. 

Meta mistoqsi dwar il-link bejn Malta u Għawdex, Mercieca wieġeb “jekk hi mina jew bridge lili ma tagħmillix differenza però il-konnessjoni permanenti hija għal min joqgħod Għawdex l-unika mod kif ikollu l-istess drittijiet”. 

Filwaqt li sostna li konnessjoni permanenti hija l-unika mod sabiex titjieb is-sostenibilità f’Għawdex. Ma waqafx hawn, saħaq li hemm bżonn intejbu s-servizzi tal-Fast Ferries u anke jekk saħansitra jsir mitjar – dawn qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-konnessjoni permanenti.  

Mercieca qal li r-reżistenza kontra l-mina hija frott ta’ twemmin qarrieq, għax ħafna jemmnu li bil-mina se jiżdied l-iżvilupp fil-gżira u dan huwa kollu minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-politiku li jikkontrolla l-iżvilupp. “Il-bini sfrenat jiddependi biss mill-permessi li jingħataw u mhux mill-konnessjoni permanenti.”  

Mercieca sostna li l-futur t’Għawdex irid ikun msejjes fuq link li tnaqqas l-iskumdità tat-traġitt. Huwa kompla jenfasizza li “l-Malti sinjur irid jiġi joqgħod Għawdex, mhux bħalma qegħdin issa li jattira dawk tal-klassi baxxa għax il-proprjetà u l-ħajja hija orħos.” La darba nirrealizzaw li bil-konnessjoni nżommu l-professjonisti Għawdxin, Għawdex għad ikollu ġid ta’ valur għola. 

Skont Mercieca Għawdex qed jitlef l-identità tiegħu għax qed jingħata kas lill-kwantità milli kwalità. Bl-ekonomija t’Għawdex għad tissaħħaħ dik ta' Malta ukoll saħaq Mercieca. Huwa tefa’ dawl fuq l-ammont ta’ sussidju li jagħti l-Gvern biex Għawdex jinżamm kif inhu -  “Sussidju għal Gozo Channel jammonta għal €22 miljun fis-sena. In-Nikolaus xi €5-8 miljun fis-sena u fast ferry €8 miljun oħra. €35 miljun fis sena sabiex persuna toqgħod Għawdex tmur Malta”. 

“X’inhi l-ispiża tal ‘positive discrimination’ favur l-Għawdxi? Spiża biex żżomm l-istatus quo u l-Għawdxi jżommu ‘miskin’ , inferjuri bħala ‘second class citizen’.” 

Huwa kompla jisħaq li Għawdxi bżonn ta’emerġenza medika għandu iktar riskju li jmut milli Malti minħabba d-dewmien biex tasal għall-kura. “Aħna ħa nibqgħu b'moħħna magħluq?” 

More in Socjali