L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi ħallset "bi żball" l-ispejjeż tal-Qorti ta' Dalli

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-ispejjeż tal-qorti u dawk legali tħallsu bi żball imma ġew rimborsati lura

L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi ħallset "bi żball" l-ispejjeż tal-qorti u dawk legali tal-eks direttur Alex Dalli għal numru ta’ kawżi ta’ libelli li tilef kontra l-Illum u MaltaToday. 

L-informazzjoni tressqet fil-parlament mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li kien mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut jekk l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi (CSA) jew il-gvern kienx ħallas għall-ispejjeż ta’ Dalli.

Iktar kmieni din is-sena, Dalli tilef numru ta’ kawżi ta’ libelli li kien ippreżenta fuq rapporti dwar it-trattament ħażin tal-ħabsin waqt il-mandat tiegħu fis-CSA.

Dalli kienet fetaħ kawża lill-MaltaToday u lill-gazzetta oħt Illum fuq żewġ stejjer: l-ewwel dwar l-użu ta’ siġġu ta’ trażżin biex jiġi umiljat priġunier partikolari, u t-tieni storja kienet dwar allegazzjonijiet li Dalli kien daħħal pistola f’ħalq priġunier għax ġab ruħu ħażin u heddu li jisparalu. 

Il-ministeru qal li l-libelli huma ta’ natura personali, u għalhekk kwalunkwe spejjeż legali assoċjati għandhom jitħallsu mill-persuna li tkun parti fil-każ.

“Ninsab infurmat li xi spejjeż kienu tħallsu b’mod żbaljat mill-aġenzija, iżda minn dakinhar ġew rimborsati,” qal Camilleri lill-Kamra.

Sammut staqsa wkoll jekk Dalli tneħħix mill-kariga tiegħu bħala rappreżentant speċjali ta’ Malta fil-Libja. Din il-parti tal-mistoqsija baqgħet mingħajr tweġiba.

More in Socjali