Baġit 2024 | Ma jissemmix sptar ġdid f’Għawdex

F’dokument ta’ 134 paġna, l-isptar il-ġdid f’Għawdex li kien imwiegħed li jitlesta sal-2018 ma jissemmix 

Mid-diskors tal-baġit tal-Ministru Clyde Caruana juri li ma hemm l-ebda pjan li jibda l-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex. F’dokument ta’ 134 paġna, l-isptar il-ġdid f’Għawdex li kien imwiegħed li jitlesta sal-2018, ma deherx darba, li jindika li l-gvern mhux se jaħdem fuq il-bini ta’ sptar ġdid Għawdxi fl-2024.

Intant, ħarsa aktar mill-qrib lejn l-ispiża proġettata tat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex turi li l-Gvern se jkun qed jonfoq inqas minn dak li nefaq meta kien taħt it-tmexxija ta’ Steward Healthcare. Fil-fatt, l-istimi tas-saħħa tal-Gvern juru li filwaqt li l-ispiża tat-tmexxija tal-isptarijiet kienet ta’ €50,424,000 fl-2023, din mistennija tonqos għal €42,994,000 fl-2024.

Il-Baġit 2024 jasal eżattament ġimgħa wara li l-Qorti tal-Appell kienet ċaħdet l-appell ta’ Steward Healthcare kontra d-deċiżjoni li jiġi annullat il-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Il-ftehim ġie deskritt ukoll mill-qorti bħala riżultat ta’ kollużjoni bejn il-gvern u Steward Healthcare.

Filwaqt li ma semmix il-ftehim, Caruana stqarr li l-Gvern ħa f’idejh il-kontroll tat-tliet sptarijiet li darba kienu privatizzati, inkluż l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Caruana stqarr li l-Gvern se jonfoq €75 miljun, li ma jinkludux il-pagi, biex iħaddem it-tliet sptarijiet.

Il-Ministru tal-Finanzi sostna wkoll li l-gvern qed, “jaħdem biex jipproteġi l-interessi ta’ Malta,” fil-proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali li għaddejjin dwar il-ftehim ta’ privatizzazzjoni.

 

More in Socjali