Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed ifittxu impjieg fit-turiżmu u l- ospitalità se jeħtieġu skill card mill-2024

Minn Jannar 2024, ċittadini ġodda minn pajjiżi terzi (TCNs) li jridu jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità f’Malta se jkunu meħtieġa jagħmlu korsijiet imexxija mill-ITS qabel jappilkaw għall-permess tax-xogħol

Minn Jannar 2024, ċittadini ġodda minn pajjiżi terzi (TCNs) li japplikaw biex jiġi jaħdmu Malta fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità se jkunu meħtieġa jagħmlu numru ta’ korsijiet qabel ma jirfsu fuq il-gżira.

Dan tħabbar waqt briefing għall-istampa hekk kif ġie spjegat li sal-2025, il-ħaddiema kollha tat-turiżmu u l-ospitalità se jeħtieġu skill card biex jaħdmu fl-industrija.

Il-korsijiet li se jkunu mmexxija mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) huma mifruxa fuq tlett aspetti. Iridu jagħmlu kors tal-Ingliż, kors ta’ kif għandu jservi b’mod bażiku klijent u kors fuq l-għarfien dwar prodott turistiku Malti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Farrugia stqarr li l-industrija teħtieġ ħaddiema ta’ kwalità, u skill card hija l-ewwel pass fi vjaġġ twil biex jiġi żgurat li dan jintlaħaq. Farrugia nnota li t-tibdil tal-persunal fi ħdan l-industrija kien sinifikanti, u spjega li dan huwa riżultat ta’ numru kbir ta’ ħaddiema mhux imħarrġa.

Dan rriżulta ukoll minn stħarriġ tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex fejn aktar minn 77% tan-negozji tat-turiżmu jimpjegaw barranin iżda għandhom problemi jżommu ħaddiema jibqgħu jaħdmu magħhom.

Mill-bidu tal-2024, min ikun irid jimpjega TCNs, l-impjegati se jkunu meħtieġa jlestu l-korsijiet rilevanti online. Malli jgħaddu mill-korsijiet, l-applikanti jistgħu japplikaw għall-permess tax-xogħol tagħhom ma’ Identità.

Jekk il-permess tax-xogħol tal-applikant jingħata minn Identità, l-applikant irid jiskeda appuntament mal-ITS tliet ġimgħat qabel il-wasla tiegħu f’Malta, sabiex jkun assessjat individwalment fi żmien ta’ tlett ijiem wara l-wasla f’Malta.

Jekk applikant ma jgħaddix mill-assessjar, l-working permit ma jinħariġx.  

Min iħaddem jrid ikun reġistrat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), li toħroġ l-iskills cards.

Sa Ottubru 2024, l-impjegati li diġá jaħdmu fis-settur jridu joqgħdu għall-assessjar ukoll sabiex jiġġeddidilhom il-permess tax-xogħol. Dawn għandhom jagħmlu l-korsijiet sa’ Jannar tal-2025.

Minn 2025, ħaddiema barranin mill-Unjoni Ewropea u Maltin se jkunu parti minn dan l-eżerċizzju.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Mark Mallia stqarr li l-aġenzija se taħdem mill-qrib mal-ITS sabiex tivverifika l-ħiliet ta’ applikant.

Intant, il-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo stqarr li l-gvern diġà kkonsulta ma’ stakeholders li wieġbu b’mod pożittiv għall-bidliet proposti.

Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qal li l-gvern se jkun qed jifli b’reqqa l-effetti tal-bidliet sabiex jimplimenta rekwiżiti simili f’industriji oħra.

More in Socjali