Sentenza sospiża wara li ffroda mad-€19,000 f’benefiċċji soċjali

Il-Qorti semgħet kif l-imputat ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, li jinkludu falsifikazzjoni ta’ dokumenti u użu tagħhom, kif ukoll li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika 

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-prosekuzzjoni ma kinitx qed tinsisti fuq piena ta’ ħabs effettiva
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-prosekuzzjoni ma kinitx qed tinsisti fuq piena ta’ ħabs effettiva

Raġel minn Ħal Qormi ngħata sentenza ta’ priġunerija sospiża wara li ammetta li ffroda ‘l fuq minn €19,000 f’benefiċċji soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. 

Mario Demicoli, ta 56 sena kien tressaq il-Qorti, mixli b’diversi reati kriminali, fosthom iffalsifikar ta’ dokumenti illi meta jiġu preżentati wieħed jista’ jirċievi bihom ħlas mingħand uffiċċju pubbliku jew bank, iffalsifikazzjoni jew tibdil t’att pubbliku u li għamel użu minn tali dokumenti foloz. 

B’żieda ma dawn, Demicoli kien akkużat ukoll li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika, frodi u li għamel qliegħ ta iżjed minn €5,000 b’qerq, fost akkużi oħrajn. 

Il-Qorti tal- Maġistrati, preseduta mill-maġistrat Rachel Montebello, kienet semgħet lil Martin Buhagiar, Assistent Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jiddikjara quddiemha li l-flejjes meħudin mill-imputat Demicoli għad-detriment tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali mis-sena 2020 ‘l hawn, kienu jammontaw għal €19,281.50, u li l-imputat ma kien għamel ebda pagament ta’ rifużjoni sa dakinhar. 

Demicoli, rrappeżentat mill-avukat Matthew Xuereb, kien ammetta l-akkużi.  

Hu ddikjara li kien lest jintrabat sabiex jirrifondi l-ammont li kien irċieva indebitament, permezz ta pagamenti ta’ €500 fix-xahar. 

Min-naħa tiegħu ir-rappreżentant tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, Martin Buhagiar  iddikjara li d-Dipartiment kien “dispost per prinċipju” li jidħol fi ftehim formali mal-ħati. 

Il-prosekuzzjoni, mmexxijja mill-ispetturi tal-Pulizija Wayne Rodney Borg u Andy Rotin, iddikjarat li ma kinitx qiegħda tinsisti li tingħata piena ta’ ħabs effettiva. 

Il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom minn naħa waħda il-gravità tar-reati u l-ammont sostanzjali li nkiseb mill-imputat permezz tagħhom, u min-naħa l-oħra ħadet ukoll qies tal-fedina penali relattivament nadifa tal-imputat, kif ukoll l-ammissjoni bikrija tiegħu.  

Ma dawn, ikkunsidrat il-fatt illi l-prosekuzzjoni ma kinitx qed tinsisti fuq piena ta’ ħabs u li kien intlaħaq ftehim formali bejn il-partijiet dwar il-ħlas tal-bilanċ bin-nifs u li diġà kienu bdew isiru pagamenti f’dan is-sens.  

“Ir-reat l-iktar gravi fost is-sensiela ta’ reati li l-imputat ammetta l-ħtija dwarhom, huwa dak [ta’ frodi, punibbli b’]... piena ta’ priġunerija minn sentejn sa disa’ snin minħabba li l-ammont ffrodat mill-imputat jeċċedi s-somma ta’ €5,000.  

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qieset illi filwaqt li l-iktar piena idoneja hija waħda karċerarja, kien hemm raġunijiet tajbin u validi fiċ-ċirkostanzi, biex din is-sentenza tiġi sospiża. 

Għaldaqstant, flimkien mar-ripagament tal-ammont meħud b’qerq, Demicoli ngħata sentenza ta’ sentejn priġunerija, sospiżi għal tliet snin. 

More in Socjali