Diversi sidien tal-kera jiddeċiedu li jnaqqsu l-prezz tal-kirjiet

L-Awtorità tad-Djar tispjega li jekk l-ammont ta’ kirja li ġie ddikjarat fir-reġistrazzjoni tal-kuntratt mal-Awtorità tad-Djar jitnaqqas matul dan il-perjodu temporanju, m’hemmx bżonn li tinbidel ir-reġistrazzjoni tal-kuntratt

Matul il-ġranet li għaddew, l-Awtorità tad-Djar irċeviet numru ta’ talbiet minn sidien li jixtiequ jnaqqsu l-kirja lill-inkwilin matul dan il-perjodu diffiċli b’rabta mal-COVID-19.

L-Awtorità tad-Djar ikkonfermat dan fi stqarrija waqt li informat lill-pubbliku li jekk l-ammont ta’ kirja li ġie ddikjarat fir-reġistrazzjoni tal-kuntratt mal-Awtorità tad-Djar jitnaqqas matul dan il-perjodu temporanju, m’hemmx bżonn li tinbidel ir-reġistrazzjoni tal-kuntratt.

Avżat li filwaqt li għandha tkun notifikata b’mod immedjat fejn hemm terminazzjoni ta’ kirja, dan ma jgħoddx fejn hemm qbil kunsenswali bejn il-partijiet dwar l-ammont tal-kirja. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, is-Sur Leonid McKay, qal li, “fejn hemm arranġamenti temporanji dwar tnaqqis ta’ kirja relatati mas-sitwazzjoni preżenti, l-Awtorità m’għandhiex għalfejn tiġi notifikata. L-għan tagħna bħala regolatur hu li dejjem niffaċilitaw ir-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin b’tali mod li filwaqt li l-inkwilin ikollu dritt ta’ akkomodazzjoni xierqa, is-sid ikollu dħul ġust għall-investiment tiegħu”.

Intant, ir-reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ kirjiet ġodda jistgħu jibqgħu jiġu rreġistrati fuq rentregistration.gov.mt.

Għal aktar informazzjoni, jista’ jsir kuntatt mal-Awtorità tad-Djar fuq 22 991 010, permezz tal-email fuq [email protected] jew billi tibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook, Rent Registration Malta

Dan ukoll fid-dawl li l-Awtorità tad-Djar, flimkien mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, diġà infurmat lill-pubbliku li l-miżata ta’ reġistrazzjoni tal-kuntratti tard mhix qed tiġi applikata, filwaqt li qed jingħata benefiċċju tal-kera aġġustat, b’mod immedjat, għall-familji li jispiċċaw mingħajr impjieg minħabba xi ċirkustanza relatata mal-COVID-19 u/jew aġġustamenti tal-istess benefiċċju għal persuni li jesperjenzaw vjolenza domestika.

More in Socjali