Coronavirus | Sospiżi wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet interni marbuta mal-festa ta' San Ġużepp tar-Rabat

Dan ifisser li għal din is-sena, iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa ta' San Ġużepp f'Marzu mhux se tkun qed issir la barra u lanqas ġewwa fil-knisja

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tħassru ċ-ċelebrazzjonijiet esterni marbuta mal-festa ta' San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina, l-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp, flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L'Isle Adam u l-Kamra tan-Nar 19 ta' Marzu, iddeċidew li għal din is-sena, anke l-festa interna ta' San Ġużepp tkun ikkanċelata.

Id-deċiżjoni ttieħdet fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa u għandna wkoll il-barka tal-Arċisqof Charles Scicluna u dan wara l-aħħar żviluppi marbuta mal-coronavirus f'Malta.

L-aħħar ċelebrazzjoni marbuta ma' din il-festa se tkun qed issir għada filgħaxija hekk kif jiġu fi tmiemhom ħamest ijiem ta' katekeżi fuq San Ġużepp. Fil-5:30pm se tibda adorazzjoni u fis-6:00pm tiġi ċċelebrata quddiesa.

Intant, mil-lum stess, se jibda ż-żarmar ukoll tal-armar fit-toroq Rabtin li kienu mħejjija bil-lest għall-festa.

Minħabba li ċertu nar ma jistax jiġi maħżun, nhar id-19 ta Marzu se jiġi maħruq il-logħob tan-nar fit-8am, f'nofsinhar u fis-7pm. 

Għall-Ġużeppini, dik ta' din is-sena kellha tkun festa speċjali hekk kif il-Knisja qed tiċċelebra l-150 anniversarju minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Fil-fatt, matul din is-sena, sar xogħol ta' restawr fuq din il-vara, inkluż il-pedistall, l-anġli li jdawruh, il-bradella, il-bankun u anke n-niċċa ta' din ix-xbieha. Nhar l-1 ta' Marzu saret purċissjoni bix-xbieha ta' San Ġużepp mill-Knisja tal-Karmelitani fl-Imdina sal-Knisja ta' Ġieżu.

Iżda għall-Ġużeppini Rabtin mhux kollox mitmum. Fid-19 ta' Settembru hija skedata festa kbira nazzjonali Ġużeppina, l-istess kif saret f'Jannar fil-Belt Valletta, biex hekk il-Ġużeppini Maltin itemmu flimkien iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma' dan l-anniversarju tant importanti għalihom.

Għalissa għadu mhux magħruf jekk dawn ir-restrizzjonijiet hux se jaffettwaw aktar ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u dan hekk kif anke l-pellegrinaġġ nazzjonali tar-Redentur tal-Isla kellu jiġi pospost.

More in Socjali