Coronavirus: Trasferit il-pellegrinaġġ nazzjonali bl-istatwa tar-Redentur tal-Isla

Dan wara r-restrizzjonijiet li qed jimponi l-Gvern fuq l-attivitajiet tal-massa

Il-pellegrinaġġ stazzjonali u nazzjonali tar-Redentur tal-Isla, li isir kull sena fir-raba' Ġimgħa tar-Randan, se jkun pospost għall-Ġunju wara r-restrizzjonijiet imħabbra ftit tal-ħin ilu mill-Prim Ministru Robert Abela.

Fuq Facebook, l-Arċipriet tal-Kolleġġjata Bażilika tal-Isla, Dun Robin Camilleri, qal li kien f'kuntatt mal-Arċisqof Charles Scicluna u ttieħdet id-deċiżjoni li dan il-pellegrinaġġ, li kull sena jiġbed lejh eluf ta' devoti, ma jsirx minħabba l-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.

Għalhekk, il-pellegrinaġġ nazzjonali li kellu jsir fl-20 ta' Marzu se jkun qed isir fil-21 ta' Ġunju, meta l-Isla tiċċelebra dak li huwa magħruf bħala l-pellegrinaġġ tal-wiegħda, bix-xbieha devota ta' Ġesù Redentur.

Madanakollu, il-Bażilika Sengleana xorta waħda se tkun qed tilqa' pellegrinaġġi basta l-ammont ma jkunx jaqbeż is-750 persuna.

Intant, nhar il-Ġimgħa 20 ta' Marzu, fil-Bażilika, il-Quddies se jkun iċċelebrat fis-6:30am, fit-7:45am, fl-10:00am u fis-6:00pm.

Persuni responsabbli se jkunu qed imexxu lill-pellegrini

More in Socjali