Coronavirus: Titħassar il-festa esterna u l-purċissjoni ta' San Ġużepp tar-Rabat

Għall-Ġużeppini dik ta' din is-sena hija festa speċjali hekk kif il-Knisja qed tiċċelebra l-150 anniversarju minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali

L-istatwa ta' San Ġużepp tar-Rabat
L-istatwa ta' San Ġużepp tar-Rabat

L-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp tar-Rabat, flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L'Isle Adam u l-Kamra tan-Nar 19 ta' Marzu, iddeċidew li l-festa esterna ta' San Ġużepp għal din is-sena mhux se ssir u dan wara r-restrizzjonijiet imħabbra illum mill-Prim Ministru Robert Abela.

Dan ifisser li lanqas il-purċissjoni bl-istatwa ta' San Ġużepp, li bħal nhar il-Ħamis 19 ta' Marzu, tiġbed eluf ta' persuni lejn ir-Rabat tal-Imdina, ma hija se ssir.

Jidher li l-Arċisqof Charles Scicluna wkoll intervjena u talab li għal din is-sena, il-festa esterna ma ssirx.

Il-festa interna, jiġifieri ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Knisja ta' Sidtna Marija ta' Ġesù se jkunu qed isiru kif ippjanat, dawn jinkludu l-jiem tat-Tridu, it-Tranżlazzjoni u l-Quddiesa solenni tal-festa, fost oħrajn.

Fil-jiem li ġejjin, l-Arċikonfraternità se tkun qed tippubblika reviżjoni tal-programm tal-festa.

Għall-Ġużeppini dik ta' din is-sena hija festa speċjali hekk kif il-Knisja qed tiċċelebra l-150 anniversarju minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Fil-fatt, matul din is-sena, sar xogħol ta' restawr fuq din il-vara, inkluż il-pedistall, l-anġli li jdawruh, il-bradella, il-bankun u anke n-niċċa ta' din ix-xbieha.

Għalissa għadu mhux magħruf jekk dawn ir-restrizzjonijiet hux se jaffettwaw aktar ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u dan hekk kif anke l-pellegrinaġġ nazzjonali tar-Redentur tal-Isla kellu jiġi pospost.

More in Socjali