Living Income jew Living Wage minflok il-COLA? Il-GWU U l-UĦM iridu ‘diskussjoni serja’

Wara l-appell tal-Alleanza Kontra l-Faqar biex jinbidel il-kejl li bih tkun ikkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, iż-żewġ unjins ewlenin jisħqu mal-ILLUM li jinsabu kommessi li tibda diskussjoni serja dwar ir-reviżjoni tal-COLA jew mekkaniżmu ieħor li jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tal-lum

 

 

Iż-żewġ unjins ewlenin li jirrappreżentaw il-ħaddiema, jaqblu li wasal iż-żmien li ssir diskussjoni serja dwar jekk għandhiex issir reviżjoni tal-mekkaniżmu li jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja jew, jekk saħansitra, għandhiex tinstab alternattiva oħra li tkun tirrifletti aħjar ir-realtajiet tal-lum il-ġurnata.

Anke jekk mhux l-ewwel darba li l-General Workers Union (GWU) u l-UĦM Voice of the Workers tkellmu dwar dan, l-ILLUM għamlet kuntatt magħhom wara li l-Alleanza Kontra l-Faqar appellat ma’ din l-istess gazzetta li wasal iż-żmien li tinbidel ir-riga li biha tkun ikkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

Kemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja u anke l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, saħqu mal-ILLUM li wasal iż-żmien li kulħadd ipoġġi madwar mejda u ssir diskussjoni serja dwar il-mekkaniżmu wara l-COLA (Cost of Living Allowance) u l-alternattivi li jistgħu jkunu aktar adegwati għar-realtajiet tal-lum.

Fil-fatt, kemm l-Alleanza Kontra l-Faqar u anke s-Segretarju Ġenerali tal-GWU kkonfermaw mal-ILLUM li diġà saru laqgħat bejniethom dwar dan, u aktar laqgħat mistennija li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.

Living Income jew Living Wage minflok il-COLA? X’qed ikun propost?

Matthew Borg, mill-Alleanza Kontra l-Faqar, kien saħaq mal-ILLUM li l-mod kif tinħadem il-COLA hija l-aktar inġusta ma’ dawk bi dħul baxx. L-Alleanza qed tipproponi li ftit ftit il-COLA tkun eliminata u minflokha jiddaħħal il-kunċett tal-Living Income.

Fi kliem sempliċi, il-Living Income huwa dak id-dħul minimu li persuna f’Malta jkollha bżonn biex tgħix ħajja diċenti. Fil-fatt, Borg kien insista li l-kejl ma għandux jibqa’ l-Indiċi tal-Prezzijiet iżda jsir il-ħajja diċenti, waqt li saħaq li f’Malta, il-paga minima hija “garanzija ta’ ħajja mhix diċenti.”

Mill-banda l-oħra, kemm il-General Workers Union u anke l-UĦM qegħdin jitkellmu fuq il-kunċett tal-Living Wage.

X’inhi d-differenza bejn il-Living Income u l-Living Wage? kemm il-Living Income (li qed tipproponi l-Alleanza Kontra l-Faqar) u anke l- Living Wage (li dwarha qed jitkellmu l-unjins) jistabbilixxu dħul minimu għal ħajja diċenti. L-uniku differenza hija li l-kunċett tal-Living Income jiġbor fih lil kulħadd, inkluż pensjonanti u dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jaħdmu, filwaqt li l-Living Wage jiffoka biss fuq il-ħaddiema, jiġifieri dawk li għandhom paga.

Minkejja din id-differenza żgħira, kemm l-Alleanza u anke ż-żewġ unjins jaqblu fil-prinċipju li l-mekkaniżmu tal-COLA ma għadux biżżejjed u lesti li jikkoperaw flimkien biex tibda diskussjoni serja dwar dan.

‘Ma jistax ikollna mekkaniżmu statitku...’ – Josef Vella (UHM)

Fil-kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM saħaq li l-pożizzjoni tal-unjin hija waħda ċara, jew jiġi rivedut il-mekkaniżmu tal-COLA jew inkella tinstab alternattiva oħra, li tista’ tinkludi l-Living Wage.

“Il-COLA mhux qed tirrifletti biżżejjed il-ħtiġijiet tal-lum,” insista Josef Vella.

Vella saħaq li jekk, wara d-diskussjonijiet jirriżulta li għandu jinżamm il-mekkaniżmu tal-COLA, jeħtieġ li jkun hemm reviżjoni serja biex il-mekkaniżmu jkun jirrifletti aħjar ir-realtajiet tal-lum.

Kien hawn, li l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM insista li l-basket tal-prezzijiet jinbidel kontinwament u għalhekk saħaq li l-mekkaniżmu ma jistax ikun wieħed statiku iżda jeħtieġ jiċċaqlaq.

“Fil-kera mhux ċaqlieqa kbira kien hemm?” staqsa Vella biex itenni l-argument tiegħu li l-“mekkaniżmu jrid ikun wieħed ħaj.”

Iżda aktar importanti, Josef Vella appella biex kwalunkwe mekkaniżmu li jintuża jkun wieħed trasparenti fejn l-istakeholders ikunu jafu l-metodoloġija użata biex anke huma, min-naħa tagħhom ikunu jistgħu jirrepetuha.

“Mhux kuntent li xi ħadd jgħid li għamel aġġustament. Jien irrid nara,” saħaq Vella.

Insista li hu mhux qed jgħid li l-unjins għandhom ikunu inklużi fil-mekkaniżmu. “Qed ngħid biss li bħala unjin, għandi dritt inkun naf x’inhi l-metodoloġija. Biex inħares l-interess tal-ħaddiema, irid ikolli kollox f’idi,” spjega Vella.

Josef Bugeja jsejjaħ għal diskussjoni wiesgħa mal-għaqdiet u l-awtoritajiet kollha kkonċernati

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja saħaq mal-ILLUM li l-General Workers Union ilha mill-2015 titkellem favur l-introduzzjoni tal-Living Wage.

Huwa fakkar f’diskors li kien għamel f’għeluq it-73 sena tal-unjin li matulu kien appella għall-introduzzjoni tal-Living Wage li “kontinwament ikun aġġustat biex verament il-ħaddiema tagħna u l-familji tagħhom ikollhom l-opportunità li jgħixu aħjar.”

Filwaqt li kkonferma li saret laqgħa bejn l-Alleanza Kontra l-Faqar u l-unjin, Bugeja saħaq li d-differenza bejn il-Living Wage li qed tipproponi l-GWU u l-Living Income li qed tipproponi l-Alleanza huma simili ħafna.

“Għaldaqstant żgur li naqblu fuq dan il-kunċett u ma’ kull kunċett ieħor li jgħin biex is-soċjetà tagħna timxi ’l quddiem b’mod soċjali u mhux ekonomiku biss,” insista Bugeja.

Kompla jisħaq kif id-diskussjoni dwar kif aktar familji se jgħixu ħajja diċenti hija importanti dejjjem, iżda insista li din id-diskussjoni hija bżonjuża llum aktar minn qatt qabel fid-dawl “tat-tkabbir ekonomiku bla preċedent,” li qed jesperjenza l-pajjiż.

Fakkar li l-Living Income huwa kunċett li jinkludi numri ta’ elementi, fosthom ikel, ilma, akkomodazzjoni, edukazzjoni, kura tas-saħħa, trasport, ħwejjeġ u ħtiġijiet essenzjali oħra.

Kien għalhekk li appella biex id-diskussjoni ssir ma’ diversi għaqdiet u awtoritajiet.

“Dan iservi biex barra li naraw il-kunċett kif jista’ jaħdem, naraw ukoll fuq kemm għandu jkun il-perjodu biex ikun implimentat u kif se jiġi sostnut,” spjega Bugeja.

Temm jisħaq li l-kunċetti li jgħinu lill-familji tagħna jgħixu ħajja diċenti għandhom ikunu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż.

More in Socjali