50% tal-Maltin jgħidu li l-immigrazzjoni kienet ir-raġuni li ħarġu jivvotaw f’Mejju

Ir-raġunijiet, il-kwistjonijiet u l-perċezzjonijiet tal-Maltin dwar l-Elezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mistħarrġa f’rapport ġdid tal-Parlament Ewropew

 

 

Stħarriġ ġdid li għamel il-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda sab li, 50% tal-Maltin qalu li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni kienet ir-raġuni għalfejn ħarġu jivvotaw.

Ir-rapport li stħarreġ ir-relazzjoni bejn l-imġiba tal-votanti fl-istati membri u l-vot tagħhom sab ukoll, li ftit anqas mill-maġġoranza tal-Maltin, jiġifieri 47%, semmew it-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali bħala raġuni oħra li ħeġġithom joħorġu jivvotaw fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda.

Ta’ min wieħed jinnota li l-medja Ewropea rigward dawn iż-żewġ kwistjonijiet hi ferm inqas, b’34% ‘biss’ tal-Ewropej jgħidu li vvotaw bl-imigrazzjoni fuq moħħhom u 37% jgħidu li vvotaw bil-bidla fil-klima bħala prijorità tagħhom.

Meta jiġu mqabbla żewġ pajjiżi, it-tħassib dwar l-immigrazzjoni kien l-istess fl-Italja u viċin ta’ din ir-rata fl-Olanda.

L-iktar poplu li sab din il-kwistjoni irrelevanti għall-motivazzjoni tiegħu tal-vot kien il-Portugall, b’10% biss tal-votanti jgħidu li l-immigrazzjoni ħeġġithom jivvotaw.

Ta’ min wieħed jinnota li f’Ċipru, gżira Mediterranja bħal Malta, l-inkwiet dwar l-immigrazzjoni huwa pjuttost anqas minn pajjiżna b’20%.

Apparti minn dan, l-istħarriġ sab li kwistjonijiet popolari oħra li ġiegħlu lill-Maltin joħorġu jivvotaw. Dawn kienu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-futur tal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni soċjali u l-protezzjoni għall-konsumaturi.

3% biss tal-Maltin kienu indeċiżi lil min se jivvotaw

Interessanti l-fatt li skont dan ir-rapport, 3% biss tal-Maltin kienu indeċiżi lil min se jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. B’kuntrast, l-istudju sab li f’ħames pajjiżi speċifiċi: l-Olanda, l-Isvezja, il-Finlandja, id-Danimarka u Franza, il-maġġoranza qalu li ddeċidew lil min se jivvotaw ftit jiem qabel jew saħansitra fil-mument preċiż li daħlu fil-kamra tal-vot.

Fuq nota simili, 87% tal-Maltin qalu li dejjem ikunu ċerti lil liema partit se jivvotaw, filwaqt li qalu li vvotaw lit-tali partit għaliex dejjem hekk għamlu fil-passat. Riżultati simili ġew irrapportati fil-Portugall, fil-Polonja u l-Bulgarija. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-parteċipanti fl-Olanda u fl-Isvezja qalu li dejjem ikunu indeċiżi dwar liema partit se jivvotaw.

Żieda ta’ 8% fit-turnout finali

Fl-istess rapport, il-PE ġabar it-turnout finali għal dawn l-elezzjonijiet u b’hekk ġiet stabbilita uffiċjalment għal 50.66%. Dan ifisser li meta mqabbla mat-turnout għall-istess elezzjoni fl-2014, din is-sena l-votanti żdiedu bi 8%.

Dan fil-fatt huwa l-ogħla persentaġġ ta’ votazzjoni mill-elezzjonijiet Ewropej tal-1994.

Żieda sinifikanti fil-votazzjonijiet ġiet irreġistrata fil-Polonja,

ir-Rumanija, Spanja, l-Awstrija, l-Ungerija u l-Ġermanja. Barra minn dan, pajjiżi b’votazzjoni tradizzjonalment baxxa ħafna fl-elezzjonijiet Ewropej, bħas-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka wrew żiedet sostanzjali wkoll.

Il-Maltin jemmnu li jibbenifikaw mill-Unjoni Ewropea

Fuq nota differenti, il-maġġoranza tal-parteċipanti mill-istati membri kollha qalu li jaħsbu li l-UE kienet ta’ benefiċċju għal pajjiżhom. L-unika kuntrast ġie rrapportat fl-Italja hekk kif il-maġġoranza jaħsbu l-kontra ta’ dan. Finalment, 81% tal-Maltin li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li jemmnu li pajjiżhom ibbenefika ħafna mill-UE.

Fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin qalu wkoll li l-UE tgħin persuni f’pajjiżhom isibu opportunitajiet ta’ xogħol. Apparti dan, 38% tal-Maltin qalu li l-UE tgħin sabiex jitjiebu l-istandards tal-ħajja f’pajjiżhom.

More in Socjali