Rabja kontra deċiżjoni tal-PA wara li tat permess biex kamra fil-Qala ssir villa

Diversi persuni nkluż uffiċjal ital-PL u l-eks mexxej tal-PL Alfred Sant jikkritikaw deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat permess sabiex kamra dilapidata fil-Qala ssir villa

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat permess kontroversjali għall-iżvilupp ta’ villa f’żona barra mill-iżvilupp (ODŻ) fil-Qala, Għawdex.

B’dan l-iżvilupp kamra antika żgħira dilapidata fil-Qala se tkun qed tiġi estiża f’villa li tinkludi wkoll pixxina.

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli, iċ-Chairman tal-ERA Victor Axiak, ir-rappreżentant tal-NGOs Annick Bonello u l-President tal-PA Vince Cassar ivvutaw kontra.

Id-Deputat Laburista Clayton Bartolo u Elizabeth Ellul, li ċaħdet l-akkużi ta’ konflitt ta’ interess minħabba l-involviment ta’ żewġha bħala perit f’applikazzjoni mhux relatata ppreżentata mis-sid ta' dan l-iżvilupp, ivvotaw favur.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-iżvilupp l-ERA ikkundannat dan l-iżvilupp filwaqt li qalet li b’din id-deċiżjoni se jinħoloq preċedent. Apparti minn hekk l-ERA qalet li din l-approvazzjoni se twassal għall-żvilupp eċċessiv fiż-żona.

Il-MPE Alfred Sant jitlob għal spjegazzjoni pubblika

Intant f'kitba fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal li l-PA għandha tagħti minnufih spjega pubblika u dettaljata dwar id-deċiżjoni riskjuża li ħadet biex tawtorizza l-bini ta' villa kbira barra l-Qala f'Għawdex, f'żona agrikola li mhijiex mogħtija għall-bini, meta r-rakkomandazzjoni kienet biex il-permess ma jinħariġx.

"Fl-ispjega l-Awtorità imissha telenka sew x'kienu r-raġunijiet li wasslu għal din id-deċiżjoni, f'qafas fejn skont ma ġie rappurtat, ġiet sottomessa lilha evidenza dubjuża ħafna dwar is-sit fejn il-villa se tinbena. Jekk din l-ispjega ma tingħatax u ma tkunx konvinċenti, bilfors jiżdiedu d-dubji -- inklużi tiegħi -- dwar kemm l-Awtorità tal-Ippjanar qed taqdi tajjeb u b'galbu l-funzjonijiet tagħha," saħaq Sant.

Fl-aħħar nett huwa qal li, "b'xorti ħażina, ħaġa bħal din imbagħad tirrifletti ħażin fuq il-Gvern Laburista fi żmien meta, kif wera l-aħħar baġit, qed iwettaq progress liema bħalu."

More in Socjali