Jinżammu taħt arrest l-immigranti li għamlu protesta fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni

Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, bl-akkużati kollha jinżammu taħt arrest.

Illum fil-Qorti tressqu ħames t’irġiel li jumejn ilu pprotestaw fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi.

Il-Ħames immigranti, li l-etajiet tagħhom ivarjaw min 25 sat-30 sena, tressqu l-qorti mixlija b’vjolenza pubblika, b’protesta illegali, li ma segwewx l-ordnijiet tal-uffiċċjali, li għamlu ħsara ta’ €2,500, li heddu l-uffiċjali pubbliċi u li kellhom fil-pussess tagħhom arma waqt li għamlu reat. Huma ġew akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika. 

L-Ispettur Trevor Micallef spjega li fost l-oħrajn, l-immigranti qalgħu grada kbira miċ-ċappetti u għamlu użu minnha sabiex jitilgħu fuq il-cotainers. 

“Iktar kemm ikun hemm ġurnalisti preżenti, aktar aħjar għalihom,” qal l-Ispettur.

Żied jgħid li l-protesti kienu qed jiżdiedu u li l-akkużati għamlu użu minn affarijiet tal-metall, skieken u affarijiet oħra biex jheddu l-uffiċjali. 

Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, bl-akkużati kollha jinżammu taħt arrest.

X'ġara nhar l-Erbgħa li għadda?

Jumejn ilu għadd ta' immigranti pprotestaw fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta' Ħal Safi.

Immigranti jinstemgħu jgħajtu u anke jżommu kartelluni bil-kliem: "libertà" u "aħna mhux kriminali."

Din kienet it-tielet protesta fl-aħħar ġimgħat f'dan iċ-Ċentru ta' Detenzjoni.

Fl-aħħar protesta, ħmistax ilu, l-immigranti wkoll bdew jitolbu l-ħelsien filwaqt li bdew jaħarqu xi saqqijiet.

B'reazzjoni ta' dan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li l-Pulizija qed twettaq l-investigazzjonijiet wara l-protesta. Il-Ministru kkonferma wkoll li l-protesta li għall-bidu kienet waħda paċifika iżda lejn l-aħħar kien hemm immigranti li saru aggressivi.

Madanakollu, il-Ministeru saħaq li l-maġġoranza tal-immigranti obdew l-ordnijiet.

More in Socjali