Harvey Keitel se jieħu sehem f'film dwar il-ġrajja tas-Sette Guigno

Il-film li għandu produzzjoni Maltija diġà ġie mibjugħ lis-suq internazzjonali

Atturi popolari bħal Malcolm McDowell u Harvey Keitel se jkunu qed jieħu sehem fil-film 'Strobju' (Just Noise) li se jkun qiegħed jirrakkonta l-ġrajja tas-Sette Giugno li seħħet mitt sena ilu.

Waqt li kien qed jitkellem fit-tnedija tal-film, il-producer Jean Pierre Magro qal li ma kienx jemmen li huwa possibbli li jinħadem film dwar Malta u l-Maltin u jinbiegħ lis-suq internazzjonali.

“In-nies kienu jidħku meta kont ngħidilhom li rrid nagħmel l-istejjer dwar il-poplu Malti,” saħaq Magro.

Kien hawn li ħabbar li f’dan il-film se jkunu qed jieħdu sehem atturi popolari bħal Malcomn McDowell u Harvey Keitel, attur Amerikan li ħa sehem f’films bħal Mean Streets, Taxi Driver, The Duellists, Bugsy u oħrajn.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Davide Ferrario tkellem dwar il-fatt li dan il-film dwar Malta u l-Maltin inħadem f’Malta stess.

“Pajjiż sabiħ. Minkejja lil ilni hawn xahar biss, skoprejt diversi siti sbieħ li rrid nurihom lid-dinja, fosthom it-Teatru Manoel,” saħaq Ferrario.

Fil-fatt, minkejja li t-Teatru ma kienx fl-iskript oriġinali, ħaseb li xorta waħda jinkludih f’xeni minn dan il-film.

Huwa faħħar ukoll il-lingwa Maltija li se jkollha wkoll rwol ċentrali f’dan il-film.

Il-Ministru Owen Bonnici, min-naħa tiegħu, qal li dan se jkun pass kbir ‘il quddiem għall-industrija tal-films f’Malta.

Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li wkoll tkellem fuq l-importanza tal-industrija tal-films li fi kliemu l-Gvern se jkun qed jixpruna ‘l quddiem.

More in Socjali