'Kielet u xorbot b'xejn, tajnieha t-tips u ħallasnielha t-taxi' ... jitkellem il-bestman

Wieħed mill-organizzaturi jisħaq li l-Amerikana kienet taf x'se jiġri, li bgħatitlu messaġġ biex tirringrazzjah u li ma għandux minn xiex jisħti

Ġimgħa wara li deher il-filmat kontroversjali ta’ mara tiġi ssuttata bil-bajd waqt Bachelor’s Party, wieħed mill-organizzaturi u l-bestman tal-għarus, kiteb fuq Facebook biex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu u jisħaq li kollox sar bil-kunsens "tal-Amerikana.”

Fuq Facebook, Nigel Attard saħaq li din ma kinitx l-ewwel darba li qabbdu lill-Amerikana biex tattendi għall-bachelor’s parties ta’ sħabhom.

“Dejjem ċempilnielha minn qabel, dejjem fthemna fuq prezz, dejjem għamiltielha ċara li se nissottaw il-bajd. Kemm titlobni dejjem ħallasnieha (minn qabel), dejjem kielet u xorbot b’xejn, drabi minnhom tajnieha t-tips u anke ħallasnielha t-taxi lura,” saħaq Attard waqt li insista li kull ma sar għamluh bil-barka tagħha u għalhekk fi kliemu, dan mhux abbuż.

Anke jekk rapporti rreferew għaliha bħala stripper, il-bestman saħaq li l-mara mhijiex stripper għax, fi kliemu, qatt ma neħħiet il-ħwejjeġ jew għamlet affarijiet indiċenti.

“Xogħlha tiżfen, tiċċajta u taqbad mal-għarus u l-bqija tan-nies,” saħaq Attard waqt li insista li titħallas tajjeb ħafna.

“Għidnielha li xtaqna li taqla’ xebgħa bajd mal-għarus. Aċċettat, tatna prezz, ħallasnieha u sar kollox bil-barka tagħha,” tenna l-organizzatur.

Insista wkoll li kollox sar f’post privat u ma ħammġu mkien kif ingħad fuq il-midja soċjali.

‘Il-bajd kien kollu mkisser u anke skadut. Ġie mixtri apposta,” saħaq Attard.

Dwar it-tifel li deher il-filmat, il-bestman qal li jiġi mill-għarajjes. “It-tifel kien preżenti f’party privat, u ma xorob l-ebda xorb alkoħoliku u ma kiser l-ebda liġi. Kien qed jieħu gost u jkompli magħna,” kompla jispjega l-organizzatur.

Ma waqafx hemm. Kompla jispjega wkoll li wara kollox, dakinhar stess, l-Amerikana bgħatitlu messaġġ tirringrazzjah waqt li ppubblika wkoll il-messaġġ li bgħatitlu.

Attard temm jisħaq li ma għandux minn xiex jiddejjaq jew jistħi waqt li insista li l-istorja ġiet imneffħa u meħudha l-barra mill-kuntest. 

Aqra hawn dak li kellha xi tgħid il-gazzetta ILLUM fl-editorjal tagħha.

 

More in Socjali