Editorjal | ‘Għax hi riedet ...’

Ħadd ma ħaqqu jkun trattat ħażin jew ikun degredat. Twil, qasir, oħxon, iriqiq, sabiħ jew ikrah. Ħadd!

Kemm smajnieha din il-frażi hux f’dawn l-aħħar jiem! ‘Għax hi riedet..’. Tfakkarna naqra f’dik il-frażi l-oħra, ‘Mhux hi ħarġet b’saqajha barra, x’tippretendi?’ jew fil-frażi l-oħra, ‘mhux hi marret lura. Ħaqqha x-xebgħa li qalgħet!”

Kos hux! Kemm għad fadlilna x’nitgħallmu dwar kif m’għandniex nivvittimizzaw vittma. Kemm għadna ma fhimniex kemm iċ-ċiklu tal-ivvittimizzar hu ikrah; kemm vittma kważi, kważi, issir inkonxjament miġbuda lejn min isawwatha u lejn min jittrattaha ta’ żibel. Xi ħaġa li tispjega għalfejn mara (jew raġel) tibqa’, u xi minn daqqiet, terġa’ tirritorna għand l-aggressur li jsawwatha u jneżżagħha mid-dinjità. Għax dan huwa ċirku vizzjuż li diffiċli tkisser, imma li jeħtieġ jitkisser biex persuna ma tibqax taħt il-madmad ta’ min jabbużaha.

L-aċċettazzjoni tal-abbuż hija ġeneralment frott stima baxxa tiegħek innifsek u allura, f’każi gravi, l-aċċettazzjoni li tiġi umiljata, imżebilħa u mwarrba. Persuna taċċetta u taraha bħala ġusta u mistennija li hi tkun trattata ta’ inferjuri minn persuna superjuri. Jista’ jkun ukoll sinjal ta’ abbuż fid-dar, meta l-vittma kienet għadha żgħira, biex allura l-abbuż kien normalizzat u aċċettat.

Kemm hemm min aċċetta l-abbuż bi tbissima! Kemm hemm min innega li qed jiġi abbużat! Kemm hemm min baqa’ jiddefendi lill-agressur! Imma aħna ma naċċettawx dan!

Għax il-ħażin ma jiddependix minn xi trid il-vittma. Il-ħażin jibqa’ ħażin, jagħmlu min jagħmlu, jaċċettah min jaċċettah

Ma ngħidux, jew suppost ma ngħidux, li la marret lura għand ir-raġel li sawwatha, mela ħaqqha! Anzi biddilna l-liġijiet biex jagħmilha iktar diffiċli li l-proċessi f’każ ta’ vjolenza domestika jieqfu anke jekk il-vittma taħfer. L-ebda qorti ma tgħid, ‘le ta. Mela la trid tissawwat, inħalluha. Tort tagħha.”

Għax il-ħażin ma jiddependix minn xi trid il-vittma. Il-ħażin jibqa’ ħażin, jagħmlu min jagħmlu, jaċċettah min jaċċettah. Jekk issawwat jew thedded lis-sieħeb/a tiegħek ħażin jibqa’ anke jekk hu qed jaċċetta. L-istess jekk għall-gost tiegħek, tħobb tiddieħak bin-nies u tissuttahom b’kartuna wara kartuna ta’ bajd u xxandar il-filmat biex tkun ċert li l-pajjiż kollu jiddieħak bil-persuna. Lil hinn minn jekk il-persuna aċċettatx jew le, xorta jibqa’ ħażin dak li għamel.

Persuna m’għandhiex tkun imżebilħa b’dak il-mod quddiem poplu sħiħ, speċjalment jekk l-awtoritajiet stess kienu ddeċidew li din il-persuna hija vulnerabbli.

Li dan it-teatrin sar bosta drabi ma jnaqqas assolutament xejn mill-fatt li huwa ħażin u degredanti.

Persuna m’għandhiex tkun imżebilħa b’dak il-mod quddiem poplu sħiħ, speċjalment jekk l-awtoritajiet stess kienu ddeċidew li din il-persuna hija vulnerabbli

Bħala minimu tad-diċenza, għalkemm ma jneħħi xejn mill-fatt  illi dak li ġara huwa ħażin, dak li rajna kellu jinżamm strettament fil-privat, bejn dawk li kienu parteċipi. Mhux daħħakna pajjiż b’din il-povra.

Din il-gazzetta ma tridx tinstema’ qisha qed timmoralizza. Qed ngħidu biss li għandna dejjem inġibu rispett sħiħ lejn kulħadd, imma b’mod speċjali lejn persuni li jistgħu jkunu sfruttati faċilment. Ma nilludux ruħna u nserrħu l-kuxjenza għaliex persuna tagħtina l-permess biex niddegredawha, imma għandna nkunu aħna stess li nevalwaw u niddeċiedu x’inhu sew u permessibbli u aċċettabbli.

Irridu mmorru lil hinn minn sempliċiment ‘għax riedet hi...’.  Jeħtieġ ikollna aktar għaqal u kompassjoni minn hekk biex nifhmu aħjar x’inhu sew u le.

Ħadd ma ħaqqu jkun trattat ħażin jew ikun degredat. Twil, qasir, oħxon, iriqiq, sabiħ jew ikrah. Ħadd! Wara kollox, kemm fil-liġijiet u anke fit-twemmin tagħna, aħna nemmnu li kulħadd huwa indaqs u l-istess.

More in Socjali