Mal-5,550 individwu Malti se jibbenefika mill-programmi tal-Erasmus+ u l-ESC

Madwar 70 benefiċjarju tal-programmi Erasmus+ u European Solidarity Corps jirċievu rikonoxximent tal-proġetti tagħhom

 

"L-iskop tal-Erasmus + u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa li jipprovdi opportunitajiet u għodda għall-‘Ġenerazzjoni Erasmus’ biex imexxu lil pajjiżna għal-livell li jmiss."

Dan kien kliem is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u d-Djaolgu Soċjali Aaron Farrugia waqt iċ-ċeremonja ta’ għotja ta’ ċertifikati tal-EUPA, fejn 70 benefiċjarju rċevew rikonoxximent għall-grant li ħadu b’relazzjoni mal-proġetti li jaqgħu taħt il-programm Erasmus + kif ukoll il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Farrugia ppreżenta ċ-ċertifikati li jappartjenu mas-settur edukattiv, l-edukazzjoni skolastika, edukazzjoni għall-adulti, dik vokazzjonali, edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll is-settur taż-żgħażagħ.

Ġew ippreżentati wkoll ċertifikati lil żewġ skejjel li kienu rikonoxxuti għal dik li tissejjaħ Ewropea għal-Lingwi.

“Din il-ġenerazzjoni għandha tkun hi li tmexxi l-aġenda; il-prijoritajiet ġodda għal pajjiżna se jingħataw importanza. Waqt li nkomplu nibnu fuq is-suċċess ekonomiku li pajjiżna kiseb f’dawn l-aħħar snin, huwa wkoll importanti li nagħtu kas l-isfidi l-ġodda li l-ġenerazzjoni li tiela’ se tkun qed tħabbat wiċċha magħhom”, saħaq is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari, li hu jqis lilu nnifsu bħala parti minn din il-ġenerazzjoni Erasmus, qal li din il-ġenerazzjoni partikolari tirrappreżenta l-ewwel ġenerazzjoni vera Ewropea. Ġenerazzjoni li kellha esperjenzi li fasslu l-futur tagħha bis-saħħa ta’ programmi li seħħew bil-għajnuna tal-proġett Ewropew u li dawn huma l-istrateġija tal-futur tal-Ewropa.

“Dawn il-programmi jindirizzaw l-isfidi li ċ-ċittadini Ewropej qed jaffaċċjaw illum; opportunitajiet mhux indaqs, governanza, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-piż ta’ żviluppi soċjali u ekonomiċi mgħaġġla, b’kull tip ta’ problemi oħra soċjali, ekonomiċi u anke kulturali li jġibu magħhom. Dawn il-programmi jippromwovu sens ta’ ċittadinanza Ewropea u komunitàb’edukazzjoni ħolistika, taħriġ, xogħol volontarju, u mobilità bħala l-għodda prinċipali,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li ’il fuq minn €9 miljun f’fondi lil Erasmus+ se jkunu mqassma lil 73 benefiċjarju biex jibdew proġetti ġodda taħt 5 setturi differenti: €5.1 miljuni mill-fondi se jiġu utilizzati għall-mobilità tal-individwi, fejn €3.9 miljuni se jmorru għall-proġetti taħt sħubija strateġika li se tiffoka fuq il-bilanċ ta’ good practices u innovazzjoni. €74,000 se jmorru għar-riforma politika.

Hu qal li ’l fuq minn 5,550 individwu Malti, li jinkludu studenti, għalliema, trainers u anke youth workers se jibbenefikaw minn Erasmus+ u l-ESC Programm fl-2019 b’nofs dawn li huma involuti jipparteċipaw f’mobilità u allura esperjenza ta’ tagħlim f’pajjiżi oħra.

Iktar minn hekk spjega li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tirdoppja l-baġit tal-Erasmus + fl-2020. Spjega wkoll li l-proġetti li qed jiġu mgħejjuna bil-fondi huma kollha ta’ kwalitàgħolja u jvarjaw fin-natura tagħhom.

More in Socjali