'Iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil se tħalli effett negattiv fuq is-saħħa tax-xiri tal-ħaddiema u pensjonant'

Ilbieraħ l-Enemed ħabbret illi mill-1 ta’ Awwissu 2019, il-prezzijiet tal-petrol u diesel jogħlew b'5ċ kull litru. Illum il-General Workers’ Union illum talbet kumpens.

Hekk kif ilbieraħ l-Enemed ħabbret illi mill-1 ta’ Awwissu 2019, il-prezzijiet tal-petrol u diesel jogħlew b'5ċ kull litru, il-General Workers’ Union illum saħqet li, "ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil meta tittieħed fil-kuntest ta’ żidiet imħabbra fil-prezz ta’ prodotti oħra essenzjali, se tkun qed tħalli effett negattiv fuq is-saħħa tax-xiri tal-ħaddiema u pensjonant."

Fi stqarrija l-GWU qalet li, "għal din ir-raġuni l-Union qed titlob lill-Gvern biex b’mod immedjat jagħti kumpens lill-ħaddiema, pensjonanti u vulnerabbli, speċjalment meta din iż-żieda se tkun ukoll riflessa fil-prezz ta’ prodotti u servizzi oħra fis-suq," qalet l-istqarrija.

Żiedet tgħid li kif għamlet fl-imgħoddi meta l-Gvern kien responsabbli minn żidet simili, il-GWU llum qed twassal pubblikament il-pożizzjoni tagħha.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li, “bħala Union napprezzaw id-deċiżjoni tal-Gvern li jinnegozja prezzijiet għall-fjuwil bil-għan li dawn jinżammu stabbli għall-perjodu twil, il-Union tħoss li meta jkun hemm varjazzjoni fil-prezz din iż-żieda ma tistax tkun tali li tħarbat l-livell ta’ għajxien tal-popolazzjoni kif ukoll tal-projezzjonijiet finanzjarji tal-kumpaniji f’pajjiżna. Għalhekk nemmnu li f’din is-sitwazzjoni għandu jingħata kumpens ta’ darba lil kulħadd. B’żidiet bħal dawn jintilef ukoll il-valur ta’ dak negozjat u mirbuħ mill-ħaddiema grazzi għall-ftehim kollettiv.” 

Fid-dawl ta’ dan, il-GWU barra li qed titlob kumpens ta’ darba qed tkompli tinsisti li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja jibda jingħata darbtejn fis-sena bil-għan li jkunu koperti żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali mħabbra minn żmien għal żmien.

kemm se jogħla l-prezz tal-fjuwil?

• Il-prezz tal-Petrol magħruf bħala E-Unleaded se jitla’ minn €1.36 il-litru għal €1.41 il-litru 

• Il-prezz tad-Diesel magħruf bħala E-Diesel se jitla’ minn €1.23 il-litru għal €1.28 il-litru

• Il-prezz tal-Petrol Super magħruf bħala E-Power Petrol se jitla’ minn €1.51 il-litru għal €1.56 il-litru

• Il-prezz tad-Diesel Super magħruf bħala E-Power Diesel se jitla’ minn €1.33 il-litru għal €1.38 il-litru

L-Enemed qalet illi dawn il-prezzijiet ġew riveduti minħabba bidla fil-prezz internazzjonali taż-żejt

 

More in Socjali