'Il-proġett tas-Central Link huwa prova oħra ċara li l-Gvern tilef ir-ruħ soċjali'

Il-PN jisħaq li huwa kontra l-atteġġjament tal-Gvern li jaħseb li jista’ jgħaddi bħal romblu minn fuq in-nies

 

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq illi t-triq proposta mill-Gvern fil-viċinanzi ta' Ħ'Attard bħala parti mill-proġett tas-Central Link, "hi prova oħra ċara li l-Gvern tilef ir-ruħ soċjali tiegħu."

Fl-istqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo sostna li, "l-bdiewa spiċċaw b’raba’, serer u ġwiebi fil-linja ta’ fejn il-Gvern qed jippjana triq fil- viċinanzi ta’ H’Attard qed jispiċċaw ma jafux se jiġri mir-raba’ tagħhom u xogħolhom. Raba’ maħdum, serer u ġwiebi se jispiċċaw vittma mhux biss tat-triq li se tgħaddi mir-raba’ tagħhom, iżda aktar minn hekk qed jispiċċaw vittma tal-arroganza ta’ Gvern li ma jitkellimx ma’ min qed ibati minħabba d-deċiżjoni tiegħu," qalet l-istqarrija.

Żied jgħid li l-PN qiegħed isegwi x’qed jiġri u mhux se jħalli lil dawn il-bdiewa waħedhom u qabel kull proġett se jagħmel konsultazzjoni ma’ dawk kollha li jkunu nvoluti.

"Il-PN huwa kontra l-atteġġjament tal-Gvern li jaħseb li jista’ jgħaddi bħal romblu minn fuq in-nies, f’dan il- każ il-bdiewa. Il-Gvern bħalma qed jagħmel ma’ dawn il-bdiewa qed jagħmel ukoll maż-żgħir filwaqt li jara kontinwament kif jogħġob lill-kbir. Din żġur li mhix ġustizzja soċjali u hija prova ta’ kemm il-Gvern spiċċa tilef ir-ruħ soċjali tiegħu," qalet l-istqarrija.

Intant fi stqarrija b'risposta għall-argumenti tal-PN, il-Partit Laburista  saħaq li, l-PN m’għandux kredibbiltà meta jitkellem fuq l-art agrikola u l-proġett tas-Central Link. "B’mod speċjali meta l-istqarrijiet tiegħu huma ffirmati minn deputat li kien parti minn gvern li fl-2006 għamel l-ewwel pjan għal dan l-istess proġett u li kien jinkludi 57% iktar art agrikola minn dik li se tintuża llum."

Żied jgħid li, "b’hekk, bil-pjan tal-gvern kif inhu issa se tintmess ferm inqas art agrikola milli kieku nżammu l-pjanti li kien ħejja Gvern Nazzjonalista.Dan il-proġett qed isir biex pajjiżna jingħata proġett infrastrutturali li jaqdi l-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur f’rotta twila li kulħadd jaqbel li s-sitwazzjoni tat-traffiku fiha trid tkun indirizzata. Il-PN l-ewwel propona l-proġett u issa qed jgħid li hu kontra għax politikament opportunist. Dan mingħajr ma provda alternattiva," temm jgħid il-PL.

 

More in Socjali