‘Mort narmi l-iskart u spiċċajt tniggiżt b’siringa mċappsa bid-demm’

Raġel jirrakkonta dak li għadda minnu meta spiċċa mniggeż minn siringa mormija fi ġnien biswit post fejn jilagħbu t-tfal

Raġel li tkellem mal-gazzetta ILLUM irrakkonta dak li għadda minnu meta ftit tal-jiem ilu mar jarmi xi affarijiet f’kontenituri tal-iskart fil-Gudja u spiċċa biex tniggeż b’siringi li kienu mċappsa bid-demm.

Ir-raġel, li ma xtaqx juri ismu, ried li jirrakkonta dak li għadda minnu ma’ din il-gazzetta bl-għan li tiżdied il-kuxjenza għax, fi kliemu, ma jixtieqx li jgħaddi “mill-martirju,” li għaddej minnu hu bħalissa.

Fil-fatt, irrakkonta magħna kif dan kollu ġara fi Ġnien Raymond Caruana, post iffrekwentat ħafna mit-tfal u biswit skola primarja.

Kollox ġara nhar il-Ħadd li għadda, meta filgħodu kmieni, dan ir-raġel mar jarmi xi karti u kartun.

“Il-kontenituri tal-iskart kienu mimlija u biex ma jaqgħux l-affarijiet kelli nagħfashom ’l isfel. Kif għamilt hekk, ħassejt tingiża kbira f’subgħajja,” irrakkontalna. “Xgħelt it-torċ tal-mowbajl u rajt ħafna ħġieġ u siringi mċappsa bid-demm. Kien jidher demm frisk.”

Minn hawn ir-raġel mar jiġri d-dar biex jaħsel subgħajh. “Iżda kont ilħaqt tniggiżt u tniggiżt sewwa,” kompla jgħidilna.

Għamel ħames sigħat Mater Dei qabel qalulu li ma setgħu jagħmlulu xejn

Ir-raġel talab il-parir tat-tabib tiegħu li talbu biex imur minnufih Mater Dei biex jagħmel dak magħruf bħala n-Needlestick Injury Protocol, iżda insista li ftit li xejn sab għajnuna.

Qalilna kif wasal l-emerġenza fis-2:30pm u wara li ta d-dettalji tiegħu u spjega dak li ġralu, intbagħat f’Dipartiment ieħor, iżda għall-ħabta tat-3:30pm infermiera talbitu biex imur lura l-emerġenza għax kien se jinbidel ix-xift u ma kinux se jaqduh.

Iżda l-ħin baqa’ għaddej sakemm madwar is-7:30pm, jiġifieri madwar ħames sigħat wara, ġie infurmat li f’Mater Dei ma jsirx dan it-test u talbuh biex imur fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.

‘Jiena kont imwerwer u sadanittant il-ħin kien għaddej,” qalilna għadu inkwetat.

Kif inhi l-proċedura, biex ikun assigurat li l-persuna ma tkunx laqqtet marda bħall-hepatitis jew inkella HIV, itteħidlu kampjun tad-demm, iżda issa jrid jagħmel test tmien ġimgħat oħra u ieħor wara li jgħaddu sitt xhur.

F’każ li persuna tkun ġiet infettata, minħabba dak magħruf bħala ‘incubation period’, il-virus (jekk ikun hemm) ma jimmarkax mill-ewwel, iżda wara li jkunu għaddew diversi ġranet (skont il-virus) u għalhekk li jkun hemm li jittieħed kampjun tad-demm kull tant żmien.

Madanakollu, bħala prekawzjoni huwa ngħata tilqima kontra l-Hepatitis B.

“Xtaqt nirrakkonta dak li għaddejt minnu biex persuni li jabbużaw mid-droga joqogħdu attenti fejn jarmu s-siringi u biex ikun assigurat li ma jkunx hemm siringi jiġru, speċjalment f’postijiet fejn jilagħbu t-tfal,” kompla jisħaq. “Ma nafx fejn se naqbad nagħti rasi. Għandi sitt xhur hekk.”

X’għandek tagħmel jekk titniggeż b’labra jew siringa użata?

Tkellimna mad-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Paula Vassallo, dwar x’għandha tagħmel persuna li titniggeż bi żball b’labra jew siringa użata.

Vassallo spjegat kif persuna għandha minnufih tipprova toħroġ kemm jista’ jkun id-demm minn fejn tkun tniggżet u wara li taħsel it-tingiża bl-ilma u tgħattiha, tmur minnufih fl-eqreb ċentru tas-saħħa.

Id-Direttur tkellmet ħafna dwar l-importanza li persuna tmur malajr kemm jista’ jkun fiċ-ċentru tas-saħħa fejn, jekk ikun hemm bżonn, tkun tista’ tingħata tilqima kontra viruses li jista’ jkun tkun ġiet infettata bihom.

Vassallo spjegat kif inċidenti bħal dawn huma komuni f’ambjent kliniku, iżda peress li hawn infermier, spiżjar jew tabib ikun jaf ta’ min hu d-demm, ikun jista’ jsir test fuq dik il-persuna biex ikun stabbilit malajr jekk din hijiex infettata b’xi virus jew le.

F’każijiet oħra, peress li persuna ma tkunx taf wara min tniggżet, din għandha minnufih tfittex l-għajnuna ta’ professjonist.

Minħabba l-fatt li virus ma jimmarkax minnufih fid-demm, minħabba dak magħruf bħala l-‘incubation period’, huwa importanti li persuna ssegwi l-pariri li tingħata u toqgħod għat-testijiet tad-demm kollha li jkunu jridu jsiru wara ċertu perjodi.

Sadanittant, kompliet tispjegalna Vassallo, wieħed għandu joqgħod attent. Pereżempju jekk persuna tkun attiva sesswalment, importanti li tuża l-protezzjoni biex tnaqqas ir-riskju għall-persuni l-oħra.

Mistoqsija jekk persuna li titniggeż b’siringa użata għandhiex tallarma ruħha, Vassallo saħqet li filwaqt li r-riskju qiegħed hemm, iċ-ċans li tinfetta ruħha b’virus huwa baxx.

“Iżda importanti li dejjem tieħu l-prekawzjonijiet. Ir-riskju hemm qiegħed,” insistiet id-Direttur. “Jekk ma tkunx taf ta’ min hi s-siringa, importanti li tmur mill-ewwel iċ-ċentru tas-saħħa.”

Jibqa’ l-fatt li jekk hawn tilqim kontra viruses bħall-Hepatitis, kontra virus bħall-HIV ma hawnx. F’dak il-każ x’jiġri? Vassallo insistiet li ċ-ċans li wieħed jinfetta ruħu bl-HIV b’dan il-mod huwa baxx ħafna, għalkemm xorta waħda tenniet biex dak li jkun jitlob parir mediku minnufih.

Fakkret ukoll li apparti ċ-Ċentri tas-Saħħa, hemm ukoll id-Dipartiment għall-Kontroll tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei fejn infermiera jkunu jistgħu jagħtu pariri lil dawk kollha li jkollhom bżonn.

Dwar ir-rimi ta’ siringi użati, Vassallo saħqet li l-ewwel u qabel kollox persuna għandha tevita li tużahom iżda appellat lil dawk li jużaw is-siringi, partikolarment minħabba d-droga, biex jassiguraw li ma jużawx labar wara ħaddieħor.

“Tħallux siringi jiġru ’l hemm u ’l hawn, b’mod partikolari f’dawk il-postijiet fejn ikun hemm it-tfal,” saħqet Vassallo waqt li fakkret li hawn reċipjenti apposta fejn dawn jistgħu jintremew.

More in Socjali