‘Staqsieni, inti mara jew raġel? U jien għidtlu ma nafx ta!’

TRANSformazzjon. Il-bidla li jgħaddu minnha bnedmin madwarna u li forsi għadna mhux qed nifhmu biżżejjed. Il-ħajjiet veri u mill-qrib ta’ persuni trans f’Malta. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Alex Caruana...

Trasformazzjoni. Il-bidla dejjem iġġib magħha l-biża’. Il-biża’ li ma tibqax fiċ-ċirku komdu tiegħek, il-biża’ li wara dik il-bidla ma tgħarafx lil dak li jkun u ma tifhimx xi jkun ġara eżattament. Trasformazzjoni; hekk jismu dokumentarju ta’ ftit iktar minn 50 minuta li jeħodna fil-ħajja ta’ diversi persuni li huma lkoll trans.

Jeħodna fil-kċina fejn isajru, fil-gym fejn jitħarrġu, fl-iskola fejn jippreparaw għall-futur tagħhom u fl-istalel biex jieħdu ħsieb liż-żwiemel tagħhom.

Grazzi għall-fondi Ewropej l-MGRM laqqgħetna ma’ persuni li ma jridux biss jgħixu ġo kaxxa fejn huma ttimbrati bħala ‘trans’ u daqshekk. Imma jridu juru illi bħal kulħadd għandhom ix-xewqat tagħhom, għandhom l-istorja tagħhom, għandhom il-karattri differenti tagħhom u għandhom aspirazzjonijiet differenti.

Ridna nuru li aħna mhux trans u daqshekk

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Alex Caruana, wieħed minn dawk li tkellem u qasam parti minn ħajtu ma’ dawk kollha li raw id-dokumentarju ferm interessanti.

X’inhu eżattament l-iskop tal-filmat? “B’dan il-filmat aħna ridna nuru li aħna mhux biss trans u daqshekk. Aħna għandna l-ħajja tagħna. Min imur għax-xogħol u min iqum jaħsel iż-żwiemel. Ilkoll jispjegaw ħajjithom, il-coming out, li ħafna drabi kien diffiċli. Ridna nkissru l-isterjotip illi meta tisma’ l-kelma trans taħseb biss f’ħaddiema tas-sess jew hairdresser jew xi mudella. Jiena pereżempju attivist mal-Moviment Graffitti.”

“L-għan kien li noħolqu perspettiva differenti, anke ta’ nies differenti.”  Isemmi kif qed issir ħidma biex ikun hawn iktar edukazzjoni u anke materjal li jintuża mill-għalliema fl-iskejjel biex dejjem jiżdied l-għarfien u tingħeleb l-injoranza.

Nirrimarkalu li jista’ jkun illi dawn it-tip ta’ inizjattivi, speċjalment fejn jirrigwarda skejjel, qed isibu reżistenza kbira. Imma Alex mhuwiex daqstant pessimist, anzi jgħid illi r-reżistenza hija mill-ftit nies li huma voċiferi ħafna.

Ma naħsibx li l-ġenituri ma jaċċettawx lil uliedhom trans... imma s-soċjetà tipprova tkissrek

Inzertajt lil Alex nafu fil-ħidma favur drittijiet ċivili u naf xi ftit jew wisq ir-reazzjoni tan-nies għall-introduzzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Nirrimarka kif minkejja li llum hawn ħafna aċċettazzjoni mhux rarità li tisma’ lil xi ħadd jgħid illi kieku binhom gay mhux problema, ‘kieku jsir mara neħodha bi kbira’.

Niftakar ridt insiefer, ridt immur il-Palestina, u madwar dak iż-żmien kelli kwistjonijiet kbar miegħi nnifsi. Niftakar kont qaxxart xagħri u l-istudent li kont LSA miegħu kien staqsieni jekk iniex mara jew raġel. Niftakar li kont għidtlu ma nafx

Alex jgħid li fil-każ tiegħu, ommu ma tantx kienet sorpriża għax l-affarijiet kienu xi ftit jew wisq ċari, apparti li kien f’qagħda ħażina minħabba t-tranżizzjoni tiegħu. “Imma ma naħsibx li huwa vera li l-ġenituri ma jaċċettawx. Ifhem anke jien, għat-tfal tiegħi nippreferi li jkunu gay milli trans imma mhux għax hemm xi ħaġa ħażina f’li tkun trans, imma s-soċjetà.” Alex jgħid illi xi minn daqqiet is-soċjetà tipprova tkissrek għax tkun trans.

“B’mod ġenerali nbidlu l-affarijiet. Naf żewġ persuni trans li jattendu skola tal-knisja tal-bniet illi jikkoperaw magħhom u jsejħulhom bil-maskil, apparti li l-iskola ppreparat lit-tfal l-oħrajn ukoll biex ikunu jafu kif għandhom iġibu ruħhom ma’ sħabhom.”

‘Staqsieni, inti mara jew raġel? U jien għidtlu ma nafx ta!’

U hu kif irrealizza li huwa trans? U kif tinduna persuna trans? “Dejjem tkun taf. Minn meta tkun il-kindergarden. Minn età żgħira jħossu u ġieli jġibu ruħhom b’mod li juru illi huma trans,” sostna Caruana.

“Issa jiena meta kont żgħir qatt ma kont naf b’persuni trans. Imbagħad niftakar ridt insiefer, ridt immur il-Palestina, u madwar dak iż-żmien kelli kwistjonijiet kbar miegħi nnifsi. Niftakar kont qaxxart xagħri u l-istudent li kont LSA miegħu kien staqsieni jekk iniex mara jew raġel. Niftakar li kont għidtlu ma nafx.”

Alex jispjega kif ċempel lir-Rainbow Support Network li kienu tawh l-għajununa u l-gwida kollha meħtieġa u jappella biex kull min jinsab konfuż jew kull min jixtieq jikkomunika ma’ xi ħadd dwar is-sesswalità tiegħu, iċempel lil dan il-grupp ta’ appoġġ.

‘Morru għand il-Gender Clinic u ċemplu lir-Rainbiow Support Services’

Qabel bdejna għidtlu li se nistaqsih dak li jistqasu n-nies u allura ma stajtx ma nirrimarkalux dwar idejh bis-suf u d-daqna folta li tagħtih dehra hekk maskili u attraenti.

Dan kif iseħħ? “Billi tieħu l-ormoni,” iwieġeb.

Imma dawn huma siguri? Qabel tieħu dawn tassiguira li mhux se jagħmlulek ħsara?  Alex jibda jindirizza dan it-tħassib billi jsostni illi persuna tmur għand tobba speċjalizzati. Jappella biex persuna tmur il-Gender Clinic, post li nfetaħ din is-sena stess u li joffri servizzi tas-saħħa iktar speċjalizzati u speċifiċi minn tim multi-dixxiplinarju li jinkludi tobba u psikoloġisti li jagħtu gwida fil-proċess kollu ta’ tranżizzjoni. Fl-ewwel seba’ ġimgħat biss, 35 persuna bdew igawdu minn dawn is-servizzi.

Alex iħeġġeġ l-użu ta’ dawn is-servizzi fi ħdan il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), għaliex dawn joffru qafas tajjeb ħafna ta’ appoġġ.

‘Nuqqas kbir ta’ informazzjoni’

Apparti problemi ma’ persuni eterosesswali, persuni trans isibu problema ta’ nuqqas ta’ għarfien u/jew tolleranza fost nies LGBTIQ stess?  “Nuqqas kbir ta’ informazzjoni, iktar minn kollox,” jgħid Alex.

Jispjega kif dawk li huma trans u huma ħaddiema fl-industrija tas-sess, li jgħid illi “ma fiha xejn ħażin” huma l-inqas li jitkellmu u l-inqas li għandhom vuċi. Jgħid ukoll li ħafna drabi hemm l-idea li persuni trans nisa jagħmlu wisq u jeseġeraw fl-atteġġjament tagħhom, imma ħafna drabi min jgħid hekk ma jkunx jaf li persuna jkollha bżonn tirrinforza dak l-isterjotip biex tgħaddi l-messaġġ li hi tidentifika bħala persuna trans. Fil-fatt dak li qed jgħid Caruana jgħodd ukoll għal diversi persuni LGBTIQ wara l-coming out.

Ikun hemm min jistaqsi, imma titwieled trans?

Caruana jispjega f’anedottu kif darba kienet fuq mejda tad-diskussjoni ma’ Ministru u raġel b’għamla goffa u kbira bid-dmugħ f’għajnejh jirrakkonta kif it-tifel tiegħu ta’ sentejn ma riedx jaf b’ġugarelli u lbies tas-subien u ried biss jilbes ilbies tat-tfajliet. Illum din il-persuna għandha 12-il sena u ta’ kuljum tistaqsi lil missierha għall-blockers. Hu kien qal lest li jbigħ id-dar biex jixtri dawn il-blockers, imma l-appuntament għand il-professjonisti għad fadallu sena.

Blockers huma użati minn persuni trans biex iwaqqfu l-pubertà sakemm dawn il-persuni jkollhom aktar ċans jiskopru s-sesswalità tagħhom. Dan ikun ifisser li, pereżempju tifel ma jikbirlux suf.

Caruana jfakkar illi l-blockers huma riversibbli u allura l-mument li persuna twaqqafhom tkun tista’ terġa’ tibda tiżviluppa.

Imma hija ħaġa tajba li tifel/tifla tibda proċess bħal dan?

“Ifhem din mhix kwistjoni ta’ taqbel jew ma taqbilx. Ħafna drabi ta’ dik l-età lanqas biss tkun ilħaqt il-pubertà. Imma persuna tħossha. Naf tifla li ħarġet f’nofs ta’ triq biex ittajjarha karozza.”

Jiġifieri għadek qed tisma’ b’ħafna każijiet ta’ persuni li jipprovaw iweġġgħu lilhom infushom u li huma trans? “Iva meta l-ġenituri ma jkunux qed jifhmuhom. Meta tinbidel int, jeħtieġ jinbidlu dawk ta’ madwarek.”

Jerġa’ jħeġġeġ lill-ġenituri ta’ persuni trans biex ifittxu l-għajnuna tar-Rainbow Support Service.

U finalment Caruana jfakkar fl-importanza li niftakru li fostna llum hawn persuni LGBTIQ li ġejjin minn pajjiżi u kulturi oħrajn.

Hawnhekk isemmi żewġ eżempji ta’ nies li jsejħilhom “mhux ipprivileġġati”. Żewġ Tunezini li minkejja li kienu arrestati f’pajjiżhom minħabba s-sesswalità tagħhom u allura ħaqqhom id-dokumenti, għadhom mingħajrhom, kif ukoll persuna Afrikana li Caruana jgħid illi ħafna persuni LGBTIQ Maltin ma jkellmuhx, filwaqt li ma jista’ qatt jgħid lil sħabu l-Afrikani, li hu LGBTIQ għax ikollu l-problemi.

Tabelli u mhux tabelli. Għandna bżonn stickers fil-ġurnata tal-lum?

Minkejja li issa għadda ftit żmien minn meta qamu l-irwiefen fuq il-midja soċjali dwar sticker li teħel mal-bibien ta’ negozju, biex juru illi l-post jabbraċċa l-ugwaljanza, ma stajtx ma nistqasix lil Alex dwar dan.

Ma jaħsibx li s-soċjetà llum inbidlet b’tali mod li m’hemmx bżonn ta’ assigurazzjonijiet bħal dawn?

“Dawk li jgħidu illi m’hawnx problemi huma l-persuni privileġġjati, li forsi għandhom ċerta żmien u li llum huma stabbiliti fix-xogħol u f’ħajjithom. Jekk taħdem maż-żgħażagħ u mal-istudenti tinduna li dan mhux minnu.”

Hawhekk Alex isemmi stħarriġ li kien sar mill-MGRM u li juri kif 54% tal-istudenti LGBTIQ qalu illi kienu abbużati verbalment filwaqt 9% qalu li kienu attakkati fiżikament.

Imma din mhux bħal kull każ ieħor ta’ bbuljar? Mhux persuni LGBTIQ biss huma bbuljati, għalkemm dan huwa dejjem kundannabbli.

Imma Alex ma jaqbilx u jgħid li huwa parti minn ideoloġija sħiħa eteronormattiva fejn min għandu l-poter, f’dan il-każ l-eterosesswali, joppressa lil ħaddieħor. “Imkien m’għandna l-istorja tal-komunità LGBTIQ f’Malta, il-materjal tal-iskola huwa kollu ‘Sam and Jane, will buy a house...’”

Itemm ifakkar, billi juża l-eżempju tan-Nażżiżmu, u jgħid li qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna u nieqfu naħdmu għax dak li ksibna jista’ jintilef. Hawnhekk Caruana jsemmi kif fis-snin 30, Berlin kienet belt miftuħa bid-drittijiet kollha għal persuni LGBTIQ. “Imbagħad ġew in-Nażżisti u tefgħuna fil-kampijiet tal-konċentrament.”

Trasformazzjoni. Il-bidla hija diffiċli u min jaf jemm hawn min isibha diffiċli. Id-dokumentarju tal-MGRM li tista’ tarah fuq Youtube u li ismu TRANSformazzjoni għandu jgħin mhux ftit biex il-bidla jifhimha kulħadd, iħaddanha kulħadd u kulħadd ikun parteċipant fit-trasformazzjoni tal-persuna.  

More in Socjali