'Tużawx persuna bi problemi ta' saħħa mentali għal skopijiet politiċi'

Il-Psikologa Mariella Dimech titkellem mal-ILLUM dwar l-effett tad-drogi fuq ħajjitna u l-psikoloġija tagħna, l-effett tas-seperazzjoni fil-mewt, l-effett taż-żwieġ għaddej minn żmien ħażin u kif m’għandniex nużaw persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għal skopijiet politiċi...

Il-psikologa Mariella Dimech
Il-psikologa Mariella Dimech

Illum kulħadd jgħix ħajja mgħaġġla. Mid-dar għax-xogħol, mix-xogħol għad-dar u l-ħin kollu għaddejjin bla waqfien u bla mistrieħ. Jgħidu li l-problemi ta’ saħħa mentali allura qed jiżdiedu hekk kif qed jiżdied l-istress. Imma vera qed jiżdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali? Jew sempliċiment aktar nies qed jersqu għall-għajnuna? Jew it-tnejn?

Mariella Dimech, psikologa, tgħid li r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet hija “t-tnejn”... “Illum hawn ħafna iktar għarfien fuq kull livell; tfal, adoloxxenti u anke adulti tal-problemi ta’ saħħa mentali. Illum in-nies jafu x’inhi OCD, depression...”

Dimech sotniet mal-ILLUM ukoll iżda li l-problemi nbidlu wkoll aktar milli żdiedu u tippunta subgħajha lejn żewġ fatturi; il-fatt li llum ħafna iktar nies qed jikkunsmaw ċerti drogi u anke alkoħol u t-tieni, il-fatt li llum hawn iktar ċans u attivitajiet li jwasslu lill-persuna jkollha vizzju, il-vizzju ta’ Facebook, tal-internet... m’hemmx dak iċ-ċans li persuna tieqaf u taħseb fejn qiegħda ħajjitha.”

Hi tgħid mal-ILLUM li meta għandek soċjetà illi dejjem qed tagħmel iktar użu mid-droga, anke jekk min qed jagħmel dan l-użu jnaqqas jew jieqaf mid-drogi “xorta dak li jkun qed imiss il-bilanċ kimiku.”

Hi tgħid li aktar kemm persuna tagħmel użu mid-droga kmieni f’ħajjitha aktar jikber iċ-ċans ta’ ħsara.

“Il-moħħ ta’ persuna adoloxxenti ma jkunx żviluppat kompletament... inti tkun qed tabbuża minn sustanzi li jbiddlulek l-istat ta’ moħħok, li jbiddlu l-iżvilupp emozzjonali tiegħek, li jbiddlu l-mod kif titratta problemi u kwistjonijiet f’ħajtek,” sostniet b’ċerta passjoni Dimech.  

‘Il-ħaxixa tista’ tkun perikoluża ħafna’

Imma ngħidilha tagħtini eżempju ta’ kif, pereżempju l-kokaina tagħmel effett. Nirrimarka li soċjalment, illum jidher li l-kokaina hija l-aktar droga li qed tintuża.

Imma l-psikologa hija kawta dwar jekk fil-fatt il-kokaina hijiex l-aktar droga li tintuża u tfakkar li ħafna mill-konklużjonijiet f’dan is-sens ġejjin minn numri ta’ kemm nies imorru għall-għajnuna u mhux kemm verament hemm nies li qed jagħmlu użu minn drogi.

“Il-verità imma,” tibda tispjega, “hija li l-istimulanti, bħall-kokaina, saru normalizzati mal-adulti. U qed nitkellmu fuq adulti li għandhom impjieg tajjeb, karriera, li għandhom xi negozju...” tgħid Dimech bħal donnha biex tmewwet il-perċezzjoni ta’ xi wħud li l-użu tad-droga hija relatata ma’ klassi.

“Hemm stimulanti li huma normalizzati, imma hemm ukoll il-ħaxixa li ġiet dikriminalizzata,” qalet mal-ILLUM qabel imbagħad fakkret li l-użu ta’ din id-droga mhix sigura daqs kemm hemm min jgħid li hi, jew għall-inqas mhix sigura għal kulħadd.

“Hemm ċerti nies li huma vulnerabbli imma li ma jafux, ma jafux li huma f’periklu li jkunu psikotiċi... ħafna jaħsbu li l-ħaxixa ma tagħmilx ħsara għax hija ‘soft drug’, imma tista’ tkun perikoluża ħafna,” tinsisti.

“Kelli klijenti li batew minn episodji psikotiċi meta użaw l-ismoke... għax dan ħadd ma jaf kif se taffettwak din, ħadd ma jaf x’inhu l-bilanċ kimiku tiegħu. Jiġifieri joqogħdu jgħidu li kollox sew l-użu tal-ħaxixa, imma inti lil ibnek jew lil bintek tagħtihom ‘joint’? Le hux?” wieġbet rettorikament Mariella li kompliet tistaqsi mela allura la mhux tajba, għaliex tittieħed mill-adulti.

‘Ħafna drabi jkun hemm min isir ‘high’ biex jaħarab r-realtà’

“Hemm nies iqumu filgħodu u jkollhom bżonn smoke... li allura turi li din id-droga tista’ ssir dipendenti fuqha wkoll. Li tagħmlek inqas fuq l-allert, li tnaqqaslek is-saħħa tas-sensi... Dak il-ħin tħossok tajjeb, imma wara jkollok problemi,” tgħid Dimech mal-ILLUM.

Hija ssostni illi l-problemi ma jidhrux meta tkun fuq l-effett tad-droga iżda wara, meta persuna tkun dipressata jew ikollha nuqqas ta’ ħeġġa, dipendenti u bla motivazzjoni u dan biex ħafna drabi taħrab mir-realtà.

“Ħadd ma jieħu drogi biex isir dipendenti. Ħafna drabi jkun hemm min isir ‘high’ biex jaħarab ir-realtà. Jiġifieri jaħrab mill-problemi kull darba li jkun hemm problemi, imbagħad meta jikber u jiżżewweġ x’se jagħmel, meta jkollu l-problemi? Jew jibqa’ jieħu biex jaħrab mir-realtà jew inkella jkollu l-problemi għax dejjem ħarabhom, qatt ma ffaċċjahom” insistiet.

Spjegat kif oħrajn jieħdu d-droga biex bħal donnhom ifejqu lilhom infushom għax meta jieqfu jieħdu d-droga u jibdew xi programm jibdew ħerġin il-vera problemi. Problemi bħall-ansjetà, id-dipressjoni jew diżordni tal-personalità, li fil-fatt dejjem kienu hemm imma kienu jinħebew wara d-droga. Huwa hawn li mbagħad persuna tibda tfieq.”

Jibdew jgħixu individwalment u separati minn xulxin u allura tonqos l-intimità

Induru fuq ir-relazzjonijiet u ż-żwieġ. Kemm tiltaqa’ ma’ nies li forsi jħossuhom f’nasba fiż-żwieġ tagħhom forsi għax m’għadhomx iħobbu lil xulxin jew għax hemm akkumulazzjoni ta’ problemi u diżgwid?

“Id-dinamiċi tal-familja qed jinbidlu,” tgħid Mariella hekk kif l-irwoli tar-raġel u l-mara nbidlu.

Tfakkar illi kemm ir-raġel u anke l-mara llum għandhom opportunitajiet biex jikbru bħala individwi. “Li jiġri huwa li jibdew jgħixu individwalment u separat minn xulxin u allura tonqos l-intimità, waħda mit-tliet fatturi ta’ relazzjoni b’saħħtiha (intimità, impenn u passjoni). Ladarba l-initmità tonqos, iż-żwieġ jibda jbati.”

Hi appellat biex koppji li qed iħossu illi għandhom problemi biex ifittxu l-għajnuna professjonali, “l-ewwel nett għax nies madwarhom se jagħtuhom il-pariri skont il-valuri u s-sitwazzjonijiet tagħhom  u t-tieni għax dawn se jkollhom iktar familjarità lejn naħa milli lejn oħra u allura jkunu inqas oġġettivi.”

‘Dawk abbużati ġeneralment jitilfu lilhom infushom’

Minn problemi fiż-żwieġ, immorru għal relazzjonijiet abbużivi.

Kemm hu ikrah l-effett fuq vittma ta’ vjolenza domestika? U kif il-vittma ġieli terġa’ tmur mal-persuna li tkun abbużatha? Dawk ta’ madwarha mhux preparati u ħafna drabi meta l-vittma tmur lura mal-persuna li abbużatha tiġi mgħajra li hija ‘injoranta’ u li allura ‘ħaqqha s-swat li qed taqla’. X’parir tagħti lil min ikollu din ir-rabja, forsi ġġustifikata, lejn il-vittma?

 “Frustrazzjoni tkun aktar minn kollox. Diffiċli vera din is-sitwazzjoni għax dawk abbużati ġeneralment jitilfu lilhom infushom, jitilfu l-indentità tagħhom u jitilfu s-sens tal-identità li issa ssir kompletament marbuta ma’ dawk li qed jabbużawhom.”

Hi tgħid illi dawn il-każijiet jeħtieġu ħafna xogħol u paċenzja. “Biex tagħmel pass persuna jrid ikun hemm ħafna għajununa. Il-vittma tagħmel pass meta temmen u tagħraf min hi.”

Imma l-vittma ta’ vjolenza domestika tispiċċa vittma għax għandha partikolarità fil-karattru jew minħabba sitwazzjoni tinħoloq?

Dimech tgħid illi tista’ tinħoloq, imma fil-fatt hemm ċerti kwalitajiet f’persuna li tkun il-vittma li lejhom ikun attirat l-aggressur. “Min jabbuża huwa ġeneralment attirat lejn tip ta’ karattru, inkonxjament, bħalma pedofelu lejn tip ta’ tfal. L-aggressur ikun attirat lejn dak il-karattru li se jħalli l-abbuż għaddej.”

Hi sostniet illi ġeneralment il-vittma ma tkunx assertiva biżżejjed u allura biex ma tibqax tkun il-vittma ta’ vjolenza tkun teħtieġ taħdem fuq id-dgħufijiet tagħha.

U l-agressur ġieli fittex l-għajnuna?

“Kelli klijenti li ġew fuqi għall-għajuna mela, nies li jkunu jabbużaw emozzjonalment,” tgħid filwaqt li tispjega l-karattru ta’ narċissist, persuna li tkun ġeneralment pussessiva u li tista’ tkun agressur f’abbuż fiżiku jew emozzjonali.

Tgħid li biex tegħleb din il-problema persuna li hija agressur jeħtieġ tara għandhiex il-kapaċità li turi empatija u li turi illi taf tħoss, fost oħrajn.

Tisħaq illi għalhekk tħoss li hemm ċerti nies li mhux la kemm toħroġhom minn istituzzjoni, għax trid tara illi dawn mhumiex periklu serju fuq is-soċjetà.

‘Persuni psikotiċi jistgħu jibdew jemmnu kollox, jisimgħu l-vuċijiet, jemmnu u jgħidu stejjer’

Nistaqsiha allura f’liema stat persuna trid tkun biex tiddaħħal f’isituzzjoni fejn isir trattament ta’ saħħa mentali.

Tibda billi tfakkar li hemm żewġ tipi ta’ problemi ta’ saħħa mentali: problemi newrotiċi u problemi psikotiċi.

Tispjega illi dawk newrotiċi għandhom x’jaqsmu ma’ dippressjoni jew OCD filwaqt li dawk psikotiċi huma differenti u jitrattaw it-telfien tal-kuntatt mar-realtà. B’hekk dawn tal-aħħar jinkludu paranoja u skizofrenija u oħrajn.

“Persuni psikotiċi jistgħu jibdew jemmnu kollox, jisimgħu l-vuċijiet, jemmnu u jgħidu stejjer, jemmnu li huma ‘chipped’ jew li xi ħadd qed isegwihom jew inkella ma jafdawx... jirreżistu u ma jaċċettawx li jingħataw il-mediċina u allura jkollhom jintbagħtu l-isptar.”

Tgħid illi llum ma tidħolx fi sptar tas-saħħa mentali għal ħajtek,  “imma l-proċess huwa twil u l-persuna għandha bżonn il-kura u l-familja,” tfakkar Dimech li ssostni wkoll imma li l-wens u l-għajnuna mhux dejjem tista’ tingħata.

‘Pillola waħedha mhix se tbiddillek ħajtek’

Indur fuq xi ħaġa differenti. Mhux neċessarjament kulħadd jaf id-differenza bejn psikologa u psikjatra. Tista’ tispjega aħjar?

Il-Psikologa tfakkar illi l-psikjatra huwa t-tabib li jispeċjalizza primarjament fuq is-saħħa mentali. “Jiġifieri meta jkollok bżonn mediċina għand psikjatra trid tmur...imma l-psikologa u l-psikjatra jaħdmu ħafna flimkien. Inti pillola waħedha mhux se tbiddillek ħajtek, trid titgħallem kif taħseb, kif tħobb lilek innifsek, kif iġġib ruħek, kif tikkontrolla ħajtek u kif tibni l-fiduċja fik innifsek,” tgħid Mariella Dimech mal-ILLUM.

‘L-ansjetà twassal għall-ossessjonijiet’

Imma persuna kif se tkun taf li dipressata u mhux sempliċiment naqra dwejjaq ta’ mument? “Ikunu jafu, mela imma ħafna drabi jaħbu dak li qed iħossu, speċjalment meta jbatu minn ansjetà.”

U x’inhi ansjetá? “L-ansjetà twassal għall-ossessjonijiet, impulsività, telf ta’ kunfidenza u stima tiegħek innifsek, toħloq l-istress u ġġiegħel persuna ma tħosshiex tajba.”

Tgħid illi l-akbar tħassib tagħha huwa s-solitudni li ħafna drabi jsibu ruħhom fiha dawk li qed ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali.

“Għandhom bżonn relazzjonijiet u li jkunu jafu li hemm min jimpurtah. Inħoss li dan kollu huwa nieqes.”

‘M’għandniex nużaw persuna li għandha problemi ta’ saħħa mentali għal skopijiet politiċi’

Mingħajr ma nistaqsiha Dimech tagħmel punt partikolari, punt pjuttost b’saħħtu dwar dak il-famuż filmat ta’ Mario Portelli, eks uffiċjal tal-Pulizija.

Ċara fi kliemha tgħid li “m’għandniex nużaw persuna li għandha problemi ta’ saħħa mentali għal skopijiet politiċi... dak il-filmat weġġa’ lill-persuna (Portelli) u kieku jinduna sew, lil hinn mill-episjodju psikotiku li kien qed jagħmel iweġġa’, weġġa’ lill-familja tiegħu... imma tant nies f’dan ma ħasbux. Ħasbu biss fil-bżonnijiet personali tagħhom,” sostniet fir-rigward tal-aġenda politika.

Fil-fatt dak li qal Portelli kien emmnut jew diskreditat fuq il-bażi tal-affiljazzjoni politika tal-persuna li qed tirreaġixxi; jekk dak li qed jgħid idoqqlok għal widnejk mela m’għandux problemi mentali, imma jekk ma jdoqqlokx għal widnejk, mela hemmhekk iva għandu problemi mentali.

“Dejjaqni li n-nies iddeċidew jekk dan il-bniedem għandux problemi jew le skont l-iskopijiet (politiċi).”

Imma kellhom jintużaw il-Pulizija?

“Missieru ċempel lill-Pulizija. U għaliex taħseb? Għax xi ħadd li jkollu episodju psikotiku jirrifjuta l-għajnuna u jirrifjuta l-mediċina. Sfortunatament mhux sabiħ taraha u wisq inqas ikun hemm filmat tagħha.”

‘Mit-twelid nibdew bil-firda... il-firda mill-ġuf’

U allura ngħalqu bil-mistoqsija dwar il-mewt u l-firda. Kemm tħalli effett psikoloġiku qawwi s-separazzjoni minn ma’ xi ħadd li tant inħobbu?

Mariella Dimech tgħid illi fit-twelid stess nibdew bis-separazzjoni. “Is-separazzjoni tal-omm mill-ġuf, noħorġu nibku għax m’għadniex fil-kumdità tal-ġuf.”

Filwaqt li qalet illi s-separazzjoni dejjem se ġġib magħha d-dwejjaq, uħud jistgħu jittoleraw is-separazzjoni iktar minn ħaddieħor.

“Skont it-trobbija. Jekk meta kont għadek żgħir is-separazzjoni kienet tfisser sensazzjoni ta’ vojt u trawma mela allura s-separazzjoni se tbeżżgħek aktar meta tkun adult. Min-naħa l-oħra jekk titgħallem li minkejja s-separazzjoni l-ħajja jeħtieġ tkompli u tkun indipendenti, mela allura tkun tgħallimt l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek.”

More in Socjali