Intervista | Alkoħoliku, sid ta’ bar u ilu snin ma jmissx qatra alkoħol

Żewġ alkoħoliċi li rnexxielhom jirbħu lix-xorb jirrakkontaw mal-ILLUM dak li għaddew minnu minħabba l-alkoħol, li għal żmien twil ikkontrollalhom ħajjithom

‘L-alkoħoliku mhuwiex persuna li ma jridx jgħid le għall-alkoħol iżda huwa persuna li ma jistax jgħaddi mingħajr ix-xorb.” Hekk qalu mal-gazzetta ILLUM Chris u Paul, żewġ persuni li anke jekk ilhom snin twal ma jmissu qatra alkoħol ma’ xofftejhom jibqgħu jiddeskrivu lilhom infushom bħala alkoħoliċi.

“Inti jekk ikollok id-dijabete u tikkontrolla z-zokkor, dijabetiku tibqa’,” qalilna Paul. “L-istess l-alkoħoliku. Tibqa’ alkoħoliku, iżda trid tkun inti li bir-rieda tiegħek ma taqax. You cannot change the wind but you can change the sails. Ir-rieda diffiċli biex takkwistaha, iżda malli takkwista hija tiegħek.”

U ngħiduha kif inhi, irid ikollok rieda qawwija, biex tkun alkoħoliku bħal Paul u minkejja li inti sid ta’ bar u tbigħ ix-xorb, tagħmel 25 sena ma tħarisx lejn flixkun birra jew grokk wieħed.

Fil-fatt, qabel inkomplu, tajjeb li niċċaraw xi ħaġa. Fil-bidu tal-intervista, irreferejt għall-alkoħoliżmu bħala l-vizzju tax-xorb, iżda Chris dlonk waqqafni u ġibidli l-attenzjoni. Insista li l-alkoħoliżmu mhuwiex sempliċiment vizzju, iżda huwa marda. “L-alkoħoliżmu huwa l-ossessjoni li trid tixrob. Malli l-alkoħoliku jieħu l-ewwel grokk, ma jistax jieqaf. Jiena bħala alkoħoliku ma għandix poter biex nieqaf,” insista magħna Chris. “Tivvinta kull skuża biex tibqa’ tixrob.”

Chris u Paul irnexxielhom jieqfu lix-xorb permezz tal-għaqda Alkoħoliċi Anonimi li huma jagħmlu parti minnha. Se jkollna ċans nitkellmu dwar din l-għaqda tul l-intervista, iżda fi kliem sempliċi, din hija “għaqda ta’ rġiel u nisa li jaqsmu bejniethom l-esperjenza, is-saħħa u t-tama tagħhom biex isolvu l-problema li għandu kull wieħed minnhom u jgħinu oħrajn iwaqqfu l-alkoħoliżmu.”

Kemm kienu jixorbu kuljum?

Iżda qabel dħalna aktar fuq ix-xogħol li twettaq din l-għaqda, tkellimna ma’ Chris u Paul dwar l-esperjenza tagħhom. Kemm kienu jixorbu kuljum? Għalfejn?

Forsi normalment naħsbu li persuna tixrob b’mod eċċessiv biex tisker u tinsa xi problema li tkun għaddejja minnha, anke jekk l-għada tisbaħ b’żewġ problemi. Iżda l-alkoħoliku mhux hekk. L-alkoħoliku jixrob mhux biss għax irid jixrob iżda għax iħoss il-bżonn li jrid jixrob.

Ħadt ħafna mill-Alkoħoliċi Anonimi imma l-akbar rigal huwa li llum kapaċi nqum filgħodu, indur fuq il-mara u ngħidilha bonġu

“Malli nqum kont inkun irrid nixrob. Inħallat il-kafè jew it-te mal-alkoħol. L-aqwa li jkun hemm l-alkoħol involut. Hawn min iqum billejl biex jixrob,” qalilna Paul. “Ara jiena bil-kontra. Jiena filgħodu lanqas it-tazza ma kont irrid nara…iżda malli tibda nieżla x-xemx, nibda nara x’se nixrob u minn fejn. Mhux kulħadd l-istess.”

Anke jekk mhux kull alkoħoliku l-istess, kollha kemm huma jgħidu l-istess ħaġa. “L-alkoħol jispiċċa jikkontrollalek ħajtek. Taħseb biss fuq xħin se tixrob,” qalilna Paul.

Ma hemmx limitu,” wieġbu t-tnejn li huma. “Jien kont naħdem għax-xorb. Kont nixrob ħafna. Żewġ flixken whiskey żgur,” qalilna Paul. “Dejjem moħħok biex tixrob. Ngħodd is-sigħat biex nixrob. Moħħok kalvarju ġġibu. Sakemm qed tistenna biex tixrob, inti ma tkunx normali. Ix-xorb ikollok bżonnu biex ma tiqafx. Isir qisu l-ilma tiegħek. Mingħajru ma tkun tista’ tagħmel xejn. Bħal meta għandek karozza u l-gauge tal-fjuwil jibda riesaq lejn l-aħmar.”

Ma’ Paul komplejna nitkellmu fuq kif l-alkoħoliżmu influwenza mhux biss lilu iżda anke lil dawk ta’ madwaru, tant li hu jsejjaħ l-alkoħoliżmu bħala “marda tal-familja.”

‘Kont ningħalaq il-ħanut…nilgħab il-kaxxi u nixrob’

Fi kliemu, il-ħaġa tispiċċa tindara anke minn dawk ta’ madwarek. “Jekk inkun mal-mara u tarani qbadt nixrob, kienet taqbad u titlaq għax taf li se nisker,” qalilna Paul. “Fis-sajf kont noqgħod barra fuq it-tarġa, inlesti l-birer, il-whiskey u noqgħod nixrob. Kif jispiċċawli ninżel il-ħanut u nġib aktar. Fix-xitwa mbagħad kont nagħlaq u noqgħod il-ħanut waħdi, nilgħab il-kaxxi u nixrob. Jiġi min jiġi jħabbat ma kontx niftaħ.”

Fil-fatt, kompla jirrakkonta magħna kif l-alkoħoliżmu jġib miegħu problemi oħra, fosthom il-logħob. Ħu minn Chris, kien jagħlaq il-ħanut u joqgħod waħdu, jilgħab il-kaxxi u jixrob.

Biex ikompli jurina kemm verament ix-xorb jagħmik, Chris ħadna ftit lura miegħu fiż-żmien. “Ma rridx niftaħar, imma meta kont żgħir jiena kont gustuż,” qalilna waqt li wrina ritratt li għandu fil-bar. “Kont naħdem fi ħwienet fejn kien ikun hemm ħafna nisa. Ħafna riedu joħroġu miegħi jew iqabbdu lil ħaddieħor biex jaqbdu miegħi. Temmini jekk ngħidlek li qatt ma kont missejt mara? Imbagħad dejjem mal-bar. Għamilli whiskey, għamilli whiskey, għamilli whiskey.”

‘L-alkoħol jisraqlek ħajtek’

‘Min jaf minn xiex għaddew il-familji tagħkom?’ staqsejthom meta rrakkontawli dan kollu. “Il-familji jbatu ħafna,” weġibni Chris. Imma fl-aħħar mill-aħħar l-aktar li jbati l-alkoħoliku nnifsu.” “Tixrob mhux bi qżież. L-alkoħol ma joqtlokx iżda ma jħallikx tgħix,” kompla miegħu Paul.

Biex jispjegalna dan, Paul iddeċieda li jaqsam magħna esperjenza ħafna aktar personali. “Il-familja tiegħi ma kien jonqosha xejn. Imma ma kontx kapaċi naqbad lit-tifel jew lil mara u ngħidilhom li nħobbhom. L-ewwel ħaġa filgħodu għid li kienet se tkun ġlieda. Kif inqum, dejjem nistenna lil mara tiġi u tgħidli x’għamilt u x’ma għamiltx.”

Sakemm qed tistenna biex tixrob, inti ma tkunx normali. Ix-xorb ikollok bżonnu biex ma tiqafx. Isir qisu l-ilma tiegħek. Mingħajru ma tkun tista’ tagħmel xejn

Anke jekk alkoħoliku, Paul dan kien iweġġgħu. “Ħadt ħafna affarijiet iżda l-akbar rigal li jiena ħadt mill-Alkoħoliċi Anonimi hija li llum kapaċi nqum filgħodu, indur fuq il-mara u ngħidilha bonġu. Qabel dejjem kienet tkun muġugħa. Kont nidħol id-dar meta t-tfal ikunu waslu biex iqumu.”

Ma jħossux lebliba meta jaraw lil xi ħadd jixrob?

Kif għidna aktar ’il fuq, bis-saħħa tal-għaqda Alkoħoliċi Anonimi, Chris u Paul ilhom snin ma jixorbu qatra alkoħol. Għadna kemm ħriġna minn żmien il-festi. Tmur fejn tmur ikel u xorb. Ma stajtx ma nistaqsihomx kif iħossuhom meta jkunu xi ikla, jew xi tieġ, kulħadd jixrob u huma ma jmissux qatra alkoħol. Possibbli? Ma tiġihomx lebliba?

“Jiena għalija ma tagħmilx differenza. Naħdem f’bar u ma tiġinix lebliba,” dlonk weġibna Paul. Chris mar oltre minn hekk. “Jiena mhux ma nistax nixrob. Jekk irrid drink nista’ naqbad u nieħdu. Imma jien ma rridx nixrob u din tagħmel differenza kbira. Darba waqt laqgħa xi ħadd semagħni ngerger u kisirni meta qalli: ‘tieqaf tixrob għalik mhux għal ħaddieħor. Toqgħodx tistenna ċ-ċapċip u l-proset.’ Dik baqgħet immarkata fija.”

Iżda ma ridtx li nibqgħu nitkellmu biss fuq id-dwejjaq u l-passat. Ridt li nħarsu wkoll lejn dak li biddel lil Chris u lil Paul. Staqsjethom jekk kienx hemm xi esperjenza partikolari li wasslithom biex ifittxu l-għajnuna tal-Alkoħoliċi Anonimi.

X’wassalhom biex ifittxu l-għajnuna?

Ovvjament kulħadd ikollu l-esperjenza tiegħu. Paul mar b’ċikka. Stiednu ħabib tiegħu li kien imur jixrob għandu fil-bar. Dan il-ħabib kien diġà mar għand l-Alkoħoliċi Anonimi iżda kien reġa’ waqa’ għax-xorb. Biex iżomm kelmtu, Paul mar u minn dakinhar qatt ma ħares lura.

Chris, min-naħa l-oħra kien għaddej minn żmien diffiċli. Kien għaddej minn separazzjoni minn ma’ martu. Minflok infexx f’aktar xorb biex jinsa, Chris fittex l-għajnuna.

Iżda kemm hu diffiċli tegħleb l-alkoħoliżmu? Hawnhekk Chris huwa l-espert. Kif isemmi l-Alkoħoliċi Anonimi għajnejh jixgħelu tant kemm ħa minn din l-għaqda. Insista li l-aktar ħaġa diffiċli, li jgħaddi minnha kull alkoħoliku, hija li taċċetta miegħek innifsek li int alkoħoliku.

‘L-ewwel trid tammetti li għandek problema’

“L-aktar pass diffiċli huwa li tammetti li għandek problema,” qalilna Chris għax l-alkoħoliku se jġib elf skuża biex jibqa’ jiċħad. “Jien aħjar kont ittini daqqa ta’ sikkina milli tgħidli alkoħoliku. Kont insir demonju ma’ min jgħidli hekk.”

It-tieni pass x’inhu? Hemm diversi passi li l-għaqda Alkoħoliċi Anonimi tistieden lill-membri tagħha biex isegwu, iżda l-ewwel pass u l-aktar wieħed importanti huwa li ma tiħux l-ewwel drink. Sempliċi, spjegalna Chris. “Jekk ma tiħux l-ewwel drink mhux se tieħu t-tieni, it-tielet u l-bqija.”

Lil min għadu ma għamilx l-ewwel pass, Paul ried jagħmillu kuraġġ. “Mort l-ewwel laqgħa. Minn dakinhar sal-lum għaddew 25 sena u qatt ma ħadt flixkun birra.”

X’tagħmel l-għaqda Alkoħoliċi Anonimi?

L-għaqda Alkoħoliċi Anonimi tipprovdi programm sempliċi ta’ 12-il pass. L-għaqda hija magħmula kollha kemm hi minn alkoħoliċi li flimkien jiltaqgħu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien. Kulma għandek bżonn biex issir membru hija xewqa li tieqaf mix-xorb. 

L-għan huwa wieħed, jiġifieri li l-membri jibqgħu ma jixorbux u jgħinu lill-alkoħoliċi oħra biex jieqfu mix-xorb. Fil-bidu ta’ din l-intervista spjegajt kif Chris u Paul minkejja li ma għadhomx jixorbu jibqgħu jiddeskrivu lilhom infushom bħala alkoħoliċi. Chris jispjega kif  waħda mill-affarijiet li tinsisti dwarhom l-Għaqda hija li membru jeħtieġ jibqa’ jgħasses l-alkoħoliżmu tiegħu 24 siegħa kuljum.

Trid tibqa’ tgħasses l-alkoħoliżmu tiegħek 24 siegħa kuljum...smajt esperjenzi ta’ min kien ilu snin ma jixrobx u waqa’

“Għall-bidu kont ngħid kemm jgħaġġbuha dawn. Irrid noqgħod għassa 24 siegħa kuljum. Illum imma nifhem. Smajt esperjenzi ta’ nies li kienu ilhom snin twal ma jixorbux u waqgħu. Mhux għax kesħin! Smajt nies li laħqu bdew negozju u tilfuh minħabba x-xorb.”

“Tistaħbilu tista’ imma taħrab minnu ma tistax,” kompla miegħu Paul.

Għalhekk huma importanti dawn il-laqgħat li jkollhom il-membri tal-Alkoħoliċi Anonimi flimkien. Ovvjament mhux kulħadd iħossu komdu li jaqsam kull esperjenza li għadda minnha fi grupp ta’ xi 12-il ruħ. Għalhekk, fi kliem Chris, f’din l-għaqda jkollok ukoll bħal parrinu, jiġifieri membru ieħor li bażikament tkun tħossok komdu titkellem miegħu jew magħha biex flimkien, wieħed mal-ieħor jew waħda ma’ oħra, jaqsmu flimkien dawk l-esperjenzi li ma jħossuhomx komdi jitkellmu dwarhom fi grupp akbar.

‘Jekk għandkom dubju ejjew u araw’

Lil dawk li qed itellgħu u jniżżlu jekk jirrikorrux għand l-Alkoħoliċi Anonimi, Chris u Paul x’jgħidulhom?

“Ejjew u araw. Mhux pass tqil,” wieġbu flimkien. “Min għandu xi dubju ejjew u araw. Aħna nistiednu lil kulħadd. Ma hemmx għalfejn tiġi u tammetti mill-ewwel li inti alkoħoliku. Ejja u ara.”

Jekk trid aktar informazzjoni dwar l-Alkoħoliċi Anonimi tista’ żżur is-sit www.aamalta.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook Alcoholics Anonymous Malta. Tista’ wkoll iċċempel fuq 79239264 jew 21239264.

*Chris u Paul huma ismijiet fittizji

More in Socjali