‘Tieħdu bħala żewġek..?’ L-ewwel Sindku LGBTIQ se jiżżewweġ

Nies jiżżewġu hemm ħafna, anke koppji LGBTIQ. Imma fid-29 ta’ Diċembru, ftit qabel nagħlqu s-sena, se jiżżewweġ l-ewwel Sindku LGBTIQ f’pajjiżna. Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Jesmond Aquilina se jiżżewweġ lil Daly Habboubi mit-Tuneżija...

Magħruf sew f’Ħal Qormi għax huwa s-Sindku imma fi kliemu stess, ma tantx huwa xi wieħed tal-fillieri ta’ quddiem fejn jirrigwarda attivitajiet politiċi; Jesmond Aquilina.

Aquilina, flimkien ma’ Daly Habboubi, se jagħmel l-istorja hekk kif se jsir l-ewwel Sindku Malti LGBTIQ li se jiżżewweġ.

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Aquilina u Habboubi fid-dar tagħhom f’Ħal Qormi, dar li malli tidħol fiha mill-ewwel tintebaħ illi hija riflessjoni tal-karattru tat-tnejn kif ukoll tal-imħabba ta’ bejniethom li nhar id-29 ta’ dan ix-xahar se tkun iċċelebrata permezz taż-żwieġ.

L-ewwel nett, il-mistoqsija li trid dejjem tistaqsi lil xi ħadd minn Ħal Qormi. Int ma’ San Bastjan jew ma’ San Ġorġ? “Jiena Qormi, l-ewwel u qabel kollox imma aktar jafuni bħala Bastjaniż.”

Allura hu u Daly kif iltaqgħu? “Kont il-Quddiesa tal-Paniġierku (il-quddiesa li ssir nhar il-Ħadd tal-festa, filgħodu) u rajtu hemmhekk. Filgħaxija għall-festa erġajt rajtu, kien ma’ ħabib tiegħu minn Ħal Qormi wkoll, tkellimna ftit u daqshekk.”

U x’ħass l-ewwel darba li rah? Aquilina, li għall-ewwel tani l-impressjoni li huwa xi ftit iktar riservat minn dak li se jkun ir-raġel tiegħu, jitbissem u jgħid lill-gazzetta: “ħassejt xi ħaġa speċjali li qatt ma ħassejt qabel.”

Jirrakkonta kif imbagħad kien siefer il-Greċja u meta kien qiegħed hemmhekk Daly bagħatlu ‘friend request’ fuq Facebook, hu aċettaha u “minn hemm bdejna u qatt ma ħarisna lura.”

Fil-fatt Aquilina u Habboubi se jkunu ilhom sentejn u nofs flimkien meta jiġu biex jiżżewġu.

‘Ma kontx naf min hu, ħassejtni skomdu...’

Induru fuq Daly Habboubi u nistasqih kif kienet l-ewwel impressjoni tiegħu ta’ Aquilina. Huwa jgħid li għall-ewwel, dakinhar tal-quddiesa tal-paniġierku, induna li Aquilina beda jħares lejh il-ħin kollu. “Għall-ewwel ħassejtni naqra skomdu għax bdejt nistaqsi lili nnifsi għalfejn kien qed iħares lejja. Rajtu fl-ewwel filliera tal-Knisja, ma kontx naf li (dak iż-żmien) kien Viċi Sindku ta’ Ħal Qormi.”

Jispjega kif fil-fatt sar jaf li huwa għandu pożizzjoni għolja fil-Kunsill ftit xhur wara li kienu bdew jiltaqgħu u joħorġu flimkien.

Daly Habboubi
Daly Habboubi

‘Jiena naf lill-Qriema, il-Qriema jafu lili’

Min mhux minn Ħal Qormi, jara l-Belt ta’ Pinto u n-nies bħala kkuluriti u tar-raħal, forsi xi ftit iktar konservattivi u antikwakti. Imma dan vera? “Jiena naħseb li Ħal Qormi bħal kull post ieħor, b’nies differenti, b’uħud li huma konservattivi u oħrajn li le.”

Aquilina jkompli jgħid illi huwa trabba Ħal Qormi u llum ilu fil-Kunsill Lokali 25 sena, allura wieħed mill-aktar nies li ilhom fil-Kunsill. “Ħal Qormi dejjem kien speċjali għalija. Kont fil-Kunsill, kont President tal-Klabb tal-Futbol fl-agħar żmien tal-klabb... il-Qriema nafhom u huma jafu lili.”

Imma kienu jafu li inti gay? “Le,” jirrispondi Aquilina li jgħid li hu ‘ħareġ’ li huwa omosesswali meta beda joħroġ ma’ Daly Habboubi. “Qatt ma kelli ħsieb li jkolli relazzjoni aħseb u ara niżżewweġ.”

‘Il-Maltin mhux razzisti...naqra riżervati aktar’

Induru fuq  Habboubi, li huwa Tuneżin u nitaqsih dwar kif intlaqa’ f’pajjiżna. Huwa sigriet magħruf li ammont ta’ Maltin ma tantx għandhom wisq grazzja ma’ irġiel Għarab ġejjin mil-Libja jew it-Tuneżija, Habboubi ltaqa’ ma’ problemi? Sabha iebsa biex jgħix Malta?

Ir-risposta tiegħu hija ċara u onesta. “Il-Maltin mhumiex razzisti, naqra iktar riżervati dwar il-ħajja privata tagħhom. Imma jiena qatt ma kelli problema. Sibt xogħol hawnhekk  u dan grazzi għall-Maltin, fil-fatt kienu Maltin stess li qaluli biex niġi hawn.”

‘Ommi qaltilhom dak ibni, min ma jridx lil ibni...’

Indur fuq Daly nerġa’ u nistaqsih kif iħossu issa li se jkun mexa l-vjaġġ kollu, minn ħajja f’pajjiż fejn żwieġ bejn persuni tal-istess sess għadu tabù kbir għal Malta fejn se jiżżewweġ lil Jesmond.

“Ħafna nies forsi jgħidu li jien xortija tajba, imma biex wasalt s’hawn kelli triq twila u iebsa,” jgħid Habboubi li jfakkar illi fit-Tuneżija għalkemm “il-preżenza tal-omosesswalità hija enormi hemm problema ta’ soċjetà u r-reliġjon u n-nies mhumiex lesti jaċċettaw l-omosesswalità. Għaddejt minn proċess twil ħafna biex wasalt s’hawn,” sostna Habboubi.

Huwa qal illi meta kellu 15-il sena kien qal lill-familja, sitwazzjoni li ma tantx kienet tajba. “Meta tkun tgħix f’komunità li ma taqbilx magħha, ma jsirx diskors u komunikazzjoni. Għax inti tkun iktar miftuħ fil-ħsieb  u allura d-diskors ikun limitat.”

“Kont fuq il-mejda tal-ikel,” jibda Habboubi jpinġi x-xena tas-sitwazzjoni, “għandi seba’ aħwa  Musulmani prattikanti. Malli għidtilhom kont qisni tfajt bomba fil-familja, platti jtiru, il-mejda nqelbet. Gwerra sħiħa kien hemm id-dar.”

Hu jgħid iżda li kienet ommu li daħlet għalih. “Ommi mara sempliċi, mara tad-dar. Fetħet il-bieb u qalet dak ibni, min ma jridx lil ibni mhux postu hawn.” Jispjega kif minkejja li ommu qabżet għalih, is-sitwazzjoni kienet waħda li hu ma setax jgħix fiha b’ommu bejnu u ħutu li qatgħu kull kuntatt mal-familja.

Kien f’dan il-punt illi Habboubi ddeċieda li jitlaq mit-Tuneżija u għex f’ħafna postijiet qabel fi kliem dak li se jkun żewġu stess Jesmond, “tefa’ l-ankri f’Ħal Qormi”.

Jesmond Aquilina, is-Sindku ta' Ħal Qormi
Jesmond Aquilina, is-Sindku ta' Ħal Qormi

‘Kien xokk wara 48 sena...’

Nerġa’ ndur fuq Jesmond u nistaqsih jekk għalih kinitx iktar faċli li joħroġ is-sesswalità tiegħu fil-pubbliku.

Hu jfakkar illi filwaqt li qed nitkellmu dwar it-Tuneżija, f’Malta fil-passat ma konniex wisq aħjar, meta l-omosesswalità anke f’pajjiżna kienet tabù.

“Għall-familja tiegħi kien naqra ta’ xokk, peress li għidtilhom wara 48 sena, “imma kelli ħafna appoġġ. M’iniex l-unika persuna LGBTIQ fil-familja u allura l-għajnuna ma naqsitx.”

Hu jgħid iżda illi fl-aħħar mill-aħħar huwa r-rispett l-aktar li jagħmel differenza. “Meta l-familja jaraw li l-persuna qed turi ċerta rispett u lejn  il-ġenituri tiegħi Daly juri rispett kbir, bilfors li tgħid illi din il-persuna mhux se tiżżewweġ lil Jesmond għal skopijiet ħżiena jew biex tapprofitta ruħha, imma għax vera tħobbu,” jgħid Jesmond.

“Jiena fil-verità d-dar ma kien jonqosni xejn, kont qisni re d-dar. Imma xorta kont inħoss in-nuqqas ta’ xi ħaġa,” jgħid. “Bdejt nikber u bdejt nistaqsi lili nnifsi jekk irridx li nibqa’ waħdi. Ommi u missieri mhux se jgħixu għal dejjem.”

Huwa qal illi għall-bidu kien inkwetat u beżgħan kif se jgħid lil ommu imma mbagħad iltaqa’ ma’ Daly. “Il-qawwa tal-imħabba tkisser kollox u għamilt affarijiet li qatt m’għamilt f’ħajti. Xtrajt dan il-post u armajnieh flimkien. Qabel Daly ma kien hemm xejn jimbuttani ’l quddiem.”

Daly jieħu ħsieb id-dar...

Naturalment kelli nistaqsihom min jieħu ħsieb id-dar u min isajjar. Kollox f’idejn Daly. Hu jsajjar u jnaddaf “u ma tantx ikun irid li ngħinu” jgħid b’daħka Jesmond. Dan apparti li Daly iħobb jagħmel affarijiet oħrajn fosthom ukoll iħit il-purtieri u ħwejjeġ biex ilibbes statwi.

U tfal?

Wasalna fl-aħħar tal-intervista u nistaqsihom; se tiżżewġu daqlwaqt u wara ż-żwieġ se taħsbu għat-tfal ukoll?

L-ewwel li jwieġeb ikun Jesmond li juri xi ftit ta’ xettiċiżmu imma min-naħa tiegħu Daly jgħid illi hu jrid li jkollhom it-tfal.

“Issa naraw,” jgħid Jesmond.

Nispiċċaw hemm u nitilqu mid-dar tas-Sindku u dak li se jkun ir-raġel tiegħu, nixtiqulhom futur sabiħ mimli ferħ, hena u l-għaqda tal-familja li isbaħ minnha m’hemmx.

More in Socjali