‘Kienet mietet parti minni.. kont se nieqaf mill-kant’

Mary Spiteri titkellem mal-ILLUM dwar: l-Xfactor, l-involviment tagħha fil-politika, il-famuż Titanic u dwar il-proġetti prospettivi tagħha…

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Għalqet 71 sena propju tliet ġimgħat ilu u għadha tarmi l-enerġija daqs qatt qabel. Kantat, irreċtat u rrappreżentat lill Malta diversi drabi. Iżda minkejja li hi meqjusa bħala r-Reġina tal-kanzunetta Maltija xi drabi spiċċat mistmerra minħabba t-twemmin u l-involviment tagħha fil-politika. Mary Spiteri titkellem mal-ILLUM fuq il-karriera mużikali tagħha, l-Xfactor, l-Eurovision u r-rabta tagħha mal-Partit Laburista.

‘Għadni kif għalaqt 71 sena u ma waqaftx sekonda’

Nibda billi nistaqsiha biex taqsam miegħi l-ewwel passi fil-karriera mużikali tagħha. “Bdejt il-kant meta kont tifla żgħira, missieri kellu orkestra ma’ wħud mill-aqwa mużiċisti ta’ dak iż-żmien. Jien qatt ma ħadt ħames minuti lezzjoni tal-kant, twelidt biex inkun kantanta; nirrigrazja lil Alla li dejjem sibt lill-papà biex jgħinni u jsus warajja,” sostniet Spiteri.

Hi tkompli tispjega, “wara bdejt inkanta f’okkażjonijiet bħal ‘dinner dances’ u anke ġewwa diskoteki fejn kelli wkoll l-opportunità li niftaħ uħud mill-aktar postijiet prominenti u għamilt snin inkanta fihom.”

Waqqaftha biex nistaqsiha jekk ġaladarba tibda tagħmel dan ix-xogħol kuljum u bla waqfien, l-impenn iġiegħlekx titlef xi ftit mill-motivazzjoni lejn il-mużika nnifsha, “ifhem kont inkanta 7 darbiet fil-ġimgħa, għal snin sħaħ. Jekk ma jkollokx passjoni jew imħabba lejn dan ix-xogħol ċertament li ma tagħmlux. Għall-grazzja t’Alla għadni kif għalaqt 71 sena u ma waqaftx sekonda,” saħqet Spiteri.

‘Dak iż-żmien kont bdejt naħseb li m’iniex se nerġa’ nkanta’

Ovvjament, b’karriera twila u sabiħa bħal ta’ Spiteri kont naf li se nitfagħha f’pożizzjoni diffiċli meta nistaqsiha biex tagħżilli l-aktar mument għal qalbha wara dan iż-żmien kollu bil-mikrofonu f’idejha, però xorta waħda ddeċidejt li nittanta xortija. Spiteri tirrispondi, “diffiċli ħafna, kelli diversi mumenti indimentikabli, però “naħseb kieku jkolli nagħżel silta u mument wieħed ikun dak meta kantajt, ‘adagio’ ftit żmien wara li miet John, ir-raġel li dejjem ħabbejt għal 37 sena sħaħ.”

Hi tkompli ssostni l-għażla tagħha, “dak iż-żmien kont bdejt naħseb li m’iniex se nerġa’ nkanta. Kelli xi ħaġa fija li mietet. Minkejja kollox, kont għamilt il-kuraġġ u erġajt kantant, Dik is-silta, kantajtha għalih u s-sentiment li ħareġ dakinhar kien fenomenali,” tgħid Spiteri.

Mintoff kien dam jinkoraġġini biex nikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali

Apparti minn din, hi kompliet tgħid mal-ILLUM, “mumenti oħra sbieħ kienu meta kantajt darbtejn f’Sydney Opera House fl-Awstralja. Avveniment li żgur m’jien se ninsa u ma nistax ma nsemmix huwa l-Eurovision li kienet okkażjoni sabiħa immens minkejja l-problemi kollha li nqalgħu fis-sena tiegħi.”

 

‘L-Xfactor m’iniex insegwih għax ma jinteressanix’

Kien propju 26 sena ilu meta hi rrappreżentat lil Malta bil-kanzunetta Little Child u finalment kienet ikklassifikat fit-tielet post, apparti wkoll li reċentament ngħatat il-premju speċjali għall-itwal nota fil-kanzunetti li ġew interpretati f’kull edizzjoni tal-Eurovision Song Contest bin-nota twila u għolja ta’ 13-il sekonda.

Għalhekk induru fuq il-Eurovison u l-Xfactor. X’taħseb Spiteri fuq il-mod ġdid kif se jintgħażel l-kantant jew kantanta li jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovison? U x’taħseb li huma r-raġunijiet wara r-riżultati xejn sodisfaċenti fl-aħħar snin? Fuq din Spiteri tibda biex tgħid, “onestament l-Xfactor m’iniex insegwih, għaliex ma jinteressanix. Jiena l-Eurovision rari narah ukoll għaliex l-ewwel nett ma jinteressanix ħafna u xi drabi jkolli l-impenn tal-kant,” qalet Spiteri mal-ILLUM.

Jekk weġġajt lill xi ħadd nitlob maħfra, verament kienet spontanja

Hi tkompli tisħaq kif skonta, “l-Eurovison huwa konkors li ma tistax tgħid x’se jiġri fih. Jaf ikollok kanzunetta tajba u tintlaqa’ u jaf ukoll in-nies ma jiħdux grazzja miegħek.”

“Ma naħsibx li tiddependi fuq l-abbiltà tal-kantant jew kantana biss, għaliex ġieli kellna nies li telgħu aktar minn darba u f’okażjoni minnhom għamlu suċċess u darb’oħra mhux daqshekk,” saħqet Spiteri.

Mary Spiteri tkanta 'Little Child'
Mary Spiteri tkanta 'Little Child'

Minkejja dan hi żiedet tgħid li, “il-pajjiżi li jieħdu sehem f’dan il-konkors, ftit jew wisq l-istess baqgħu. Dawn huma  l-istess pajjiżi li kont mort jien fl-1992, Georgina, Mike Spiteri u li mar kulħadd.”

“Fil-verità aħna noħduha bi kbira wisq Malta, nagħtuh importanza kbira, pajjiżi akbar minna jidħlu u jispiċċaw fl-agħar pożizzjonijiet u ma jagħmlux il-ġenn li nagħmlu aħna,” irrimarkat Spiteri.

‘Ma kontx lesta għal dik il-bidla kbira’

Ċertament li m’huwiex xi sigriet li Spiteri għanda għal qalbha l-Partit Laburista hekk kif għal diversi snin smajnieha u rajnieha tkun parti integrali mill-avvenimenti tal-Partit Laburista.

Però fil-verità, ġieli kellha opportunità li minflok fuq il-palk narawha fuq il-polza tal-vot? Mal-ILLUM Spiteri tisħaq, “iva mela, fiż-żmien il-Perit Duminku Mintoff, naħseb kelli xi tliet okkażjonijiet biex nikkontesta l-elezzjoni ġenerali. L-aħħar okkażjoni biex nikkontesta l-elezzjoni ġenerali kienet fiż-żmien meta l-Partit Laburista kien taħt it-tmexxija ta’ Alfred Sant,” sostniet Spiteri.

Tkompli tgħid kif, “Mintoff kien qisu t-tieni missier tiegħi, kont rajtu l-ewwel darba meta kelli 11-il sena, ilqajtu b’bukkett fjuri fin-Naxxar, kien dam jinkoraġġini biex nikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali.”

Ġaladarba kellha dan is-sapport kollu, x’waqqaf lil Spiteri milli tikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali. Mal-ILLUM hi tispjega, “ftit wara li kont wasalt biex inħabbar il-kandidatura tiegħi bdejt nħoss li ħajti kienet se tinbidel b’mod drastiku, ma kontx lesta għal din il-bidla. Kont għadni qas jien kandidata uffiċjali u diġà kienu bdew iċemplu n-nies għall-pjaċiri,” saħqet Spiteri.

Minkejja kollox mal-ILLUM hi tagħmilha ċara li ma għandna l-ebda rimors wara n-nuqqas tagħha fil-politika għaliex skontha hi “aktar maqtugħa għall-kant.”

Il-polemika tat-‘Titanic’… 20 sena wara

La qbadnieha fuq il-Politika, kont nonqos kieku ma nsaqsihiex fuq il-famuża polemika tat-Titanic, meta waqt mass meeting tal-Partit Laburista, ftit qabel ma kantat, ‘My Heart Will Go On’, is-sigla klassika tal-film ‘Titanic’, hi kienet qalet li l-Partit Nazzjonalista se jegħreq bħall-vapur tat-Titanic. Kumment li ma tantx niżel tajjeb ma’ porzjon konsiderevoli tal-Maltin.

20 sena wara, iddeċidiejt li nistaqsiha jekk taħsibx li dan kien kumment żejjed min-naħa tagħha, ġaladarba hi kienet kantanta ta’ kulħadd. Spiteri tkun pronta biex tisħaq, “jiena kulħadd jaf x’jien u qatt ma stħajt nuri x’jien. Dakinhar kont f’mass meeting u kelli l-ħsieb ukoll li noħroġ għall-politika. Ara kieku kont f’show tiegħi ġo xi diskoteka jew restorant; kieku kien ikun ħaqqni l-agħar kritika għaliex mhux sew. Imma verament kienet xi ħaġa spontaja u bla ħażen,” saħqet Spiteri.

L-Xfactor ma nsegwihx għax ma jinteressanix

“Nixtieq jekk verament weġġajt lil xi ħadd biex nitlob maħfra, verament kienet spontanja,” saħqet Spiteri.

Filwaqt li kompliet titkellem fuq ix-xewqa tagħha li l-poplu ma jibqax ikun kattiv ma’ xulxin minħabba raġunijiet ta’ politika, “jien għandi ħbieb kbar li ma jaqblux miegħi fejn tidħol politika, allura x’nagħmel, ma nkellimhomx?” saħqet Spiteri.

‘Aħna n-nisa xi kultant ma nagħtux l-appoġġ tagħna lin-nisa l-oħra’

U bħala mara li dejjem segwit il-Parit Laburista mill-qrib, x’taħseb fuq l-introduzzjoni tal-kwoti tan-nisa fil-Parlament? Mal-ILLUM hi tgħid kif, “qabel kont għidt li naqbel, però meta toqgħod taħseb, kultant aħna n-nisa stess ma nagħtux is-sapport lil nisa oħra. Hi tkompli tgħid, “jekk inti ħriġt għall-politika u n-nies ma jivvutawlekx, ma tistax tgħidilhom tellgħuni bilfors,” tisħaq Spiteri.

“Naturalment, togħġobni l-idea li jkun hemm aktar involviment tan-nisa fil-politika, għaliex ikun hemm taħlita aktar feliċi ta’ ideat taż-żewġ ġeneri però m’iniex konvinta fuqha,” saħqet Spiteri.

Ir-ritorn tagħha fl-edizzjoni li jmiss ta’ Ġensna

Bil-ħsejjes ġodda li qed jipproduċu diversi gruppi ġodda lokali, jidher biċ-ċar li l-interess fl-użu tal-Malti fil-mużika żdied sew. X’taħseb Spiteri fuq il-prospett tal-lingwa Maltija fil-mużika? “Kuntenta li qed jkun hawn dan il-materjal mużikali ġdid bil-Malti. Nemmen li jekk il-Malti jkun miktub tajjeb, akkumpanjat b’mużika tajba u l-kantant jkun jaf ikanta tajjeb bih, verament hemm potenzjal kbir u bħalissa għandna talent kbir lokali.”

Mal-ILLUM Spiteri tiżvela kif għal darb’oħra se terġa’ tittella' edizzjoni tar-rock opera Ġensna, u li hi se terġa’ tkun parti mit-tim, “Is-sena d-dieħla mistennija tittella' edizzjoni oħra ta’ Ġensna, u din id-darba l-affarijiet mixjin fid-direzzjoni li rrid jiena, allura ddeċidejt li nieħu sehem. Ovvjament għadni nkanta u għandi wkoll f’moħħi xi proġetti li se nkun qed naħdem fuqhom,” tenniet Spiteri.

More in Socjali