Kważi 20,000 anzjan ta’ iktar minn 65 sena jinsabu f’riskju ta’ faqar

L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti f’Malta b’disa’ proposti għall-baġit tal-2019 għal aktar ġustizzja fost il-pensjonanti

Ħajjitna naħdmu sabiex tasal dik il-ġurnata li tant inkunu ilna nistennew, il-ġurnata tal-irtirar. Iż-żmien fejn fl-aħħar ikollna ċans nistrieħu wara ħafna tbatija sabiex naqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Jekk jirnexxilek tasal f’dan l-istadju tal-ħajja, tkun tista’ tgawdi ftit minn dawk il-flus li tteħdulek ma’ kull paga li min jaf kemm kont tara żejda.

Ħin għal dik il-vaganza twila li qatt ma kellek ċans tmur, jew li ddur d-dinja bħala xewqa tal-aħħar. Kollox jinstema’ sabiħ, bħallikieku lanqas se jifdallek nitfa nkwiet meta tilħaq din l-età. Il-mistoqsija tkun jekk xi darba tassew inkunux nistgħu ngħixu komdi hekk jew jekk din hi biss ħolma.

Din il-gazzetta tkellmet mal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti u ddiskutiet diversi fatturi li qed iħallu impatt fuq l-pensjonanti f’pajjiżna fosthom ir-riskju ta’ faqar. Fil-fatt, rapport ippubblikat mill-Kummisjoni Ewropea (Pension Adequacy Report 2018) li jispeċifika fuq id-dħul fost l-anzjani fl-Unjoni Ewropea, jitkellem dwar il-faqar fost l-anzjani f’Malta.

Dan ir-rapport jgħid li għalkemm il-pensjoni f’Malta tipproteġi kontra faqar assolut, dan id-dħul mhux biżżejjed. Minħabba din il-problema bosta anzjani qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Dan ir-rapport jgħid li d-dħul medju għal persuni ta’ 65 sena jew iktar, naqas bejn l-2008 u l-2016.

In-nisa tal-istess età huma fost il-maġġoranza li qed isofru minn dan in-nuqqas fid-dħul. L-AROPE (at-risk-of-poverty or social exclusion) maħruġ mill-Uffiċċju tal-Istatistika f’Malta, jikkalkula l-faqar. Dan l-indikatur fl-2017, wera li kien hemm żieda ta’ 0.8% fost persuni ’l fuq minn 65 sena meta kkomparata mas-sena ta’ qabel.

Fl-2017 kien hemm total ta’ 19,971 persuna ta’ ’l fuq minn 65 sena li kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali f’Malta. Meta dan l-ammont jinqasam bejn nisa u rġiel, wieħed jinnota li n-nisa bit-total ta’ 11,281 kienu l-aktar f’riskju b’dawk irġiel ikunu 8,689. Fost dawn 6,082 minnhom huma persuni li jgħixu f’residenza waħedhom.

L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti b’għan li joffru għajnuniet lill-pensjonanti Maltin

L-ILLUM tkellmet ma’ Louis Cilia, president tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti f’Malta li ilu f’din il-kariga għal dawn l-aħħar sena u nofs. Din l-għaqda ilha attiva sa mill-1970 u hija membru attiv fl-AGE Platform Europe. Fost l-oħrajn tieħu ħsieb li jsiru laqgħat tal-kunsill minn tal-inqas darba fix-xahar. F’dawn il-laqgħat jiġu diskussi temi li jikkonċernaw problemi tal-anzjani bl-għan li tittieħed azzjoni. Din l-għaqda jkollha laqgħat mal-awtoritajiet tal-gvern u ministeri biex jiġu mressqa ideat ġodda bl-iskop li tittejjeb il-ħajja tal-pensjonanti Maltin.

Cilia tkellem magħna li l-ideat ġieli jkunu ta’ suċċess bħal każ ta’ sena ilu meta l-għaqda proponiet li jinfetħu bonds għall-anzjani. Din l-organizzazzjoni mhix governattiva, tirrappreżenta wkoll lir-romol u l-anzjani f’Malta. 

Louis Cilia
Louis Cilia

Membri attivi f’din l-għaqda jammontaw għal 1,300 li jagħmlu lil din l-għaqda tal-pensjonanti waħda mill-akbar f’Malta. Membri li jissieħbu f’din l-għaqda għal ftit ewro fis-sena, huma intitolati għall-benefiċċji fosthom termini tal-assigurazzjoni favur l-anzjani membri meta jivjaġġaw barra mill-pajjiż.

Cilia tkellem magħna kif dan il-ftehim hu importanti ħafna hekk kif l-anzjani partikolarment dawk ta’ aktar minn 75 sena jsibu diffikultajiet sabiex jassiguraw lilhom infushom biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw b’aktar serħan il-moħħ. Dawk membri f’din l-għaqda jirċievu wkoll rivista kull erba’ xhur bl-isem “Il-Pensjonant” b’informazzjoni interessanti għall-anzjani. Hekk kif kulma jmur qed jindika li l-anzjani dejjem qed jgħixu ħajja itwal, il-president ta’ din l-għaqda jgħidilna li dan ifisser progress soċjali u ekonomiku.

Mill-banda l-oħra dan il-fattur jista’ joħloq xi problemi minħabba li l-anzjani huma fost dawk l-aktar vulnerabbli. B’hekk din l-għaqda tgħin sabiex taċċerta sigurtà fid-dħul tal-anzjani, telimina diskriminazzjoni tal-età li persuni jsibu ruħhom fihom fuq il-post tax-xogħol, komunità u fuq livell soċjali.

Din l-għaqda wkoll tippromovi ħajja aktar attiva għall-anzjani b’għajnuna tal-awtoritajiet u taċċerta sistema ta’ kura tas-saħħa aktar effettiva. Cilia żied jgħidilna li kull sentejn jipparteċipaw f’laqgħat ġewwa Brussell mal-kumplament tal-Ewropa fejn jiġu diskussi żviluppi ġodda u ideat li jagħmlu ħajjet il-pensjonanti aktar faċli.

“Inġustizzja kbira fuq min mexa mal-liġi u ħallas il-kontribuzzjonijiet kollha li jikkwalifikawh għal pensjoni taż-żewġ terzi”

Ir-rapport tal-‘Pension Adequacy’ tal-2018 f’paġna 173 jgħid “Effectively, the common perception is that in contemporary Malta one cannot survive on a pension. Paradoxically those at the bottom, who receive the lowest pensions generally through the non-contributory system, have improved, some substantially, but the reverse is that of middle-salaried persons who rely on the so-called two-thirds pension, which is capped.”

Dan ifisser li dawk li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha matul ħajjithom u qed jirċievu pensjoni taż-żewġ terzi jew kif magħrufa aħjar, pensjoni kontributorja qegħdin f’sitwazzjoni agħar minn dawk li ma ħallsux il-kontribuzzjonijet minħabba li l-pensjoni tagħhom ġiet ikkapjata, jiġifieri ma tistax tiżdied. Mill-banda l-oħra dawk li ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet matul ħajjithom u qed jirċievu pensjoni mhux kontributorja, qegħdin jingħataw żidiet kull sena. Louis Cilia jisħaq mal-ILLUM li din hi inġustizzja kbira.

“Sar ħafna titjieb u ġid”

Meta din il-gazzetta staqsiet lill-President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti dwar x’differenza ra matul is-snin fil-mod ta’ kif qegħdin jgħixu l-pensjonanti, it-tweġiba tiegħu kienet waħda pożittiva. Louis Cilia qalilna “ma nistax nikkompara l-pensjonanti tal-lum ma’ dawk tal-1970, id-differenzi huma enormi.”

Cilia kompla jżid li sar ħafna titjieb u ġid u kulħadd xi ftit jew wisq qed jgħix aħjar minn missirijietna. Il-president jgħidilna li kontra l-imgħoddi, il-liġijiet tas-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali qed joħolqu sigurtà biex ħadd ma jkun imwarrab u mitluq. Is-servizzi ta’ assistenza, il-mediċina u l-isptarijiet fost servizzi oħra offruti, kollha qegħdin jagħmlu l-ħajja tal-anzjani ħafna aħjar minn ta’ snin ilu, kompla jgħidilna Cilia.

L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti bi proposti għall-baġit tal-2019

Fi stqarrija li ħarġu għall-istampa u x-xandir, l-għaqda tal-pensjonanti pproponiet disa’ proposti għall-baġit li jmiss. Fost il-proposti mniżżla hemm, li bħala għaqda jixtiequ li l-pensjoni tibda tkun ikkalkulata skont id-daqs tal-familja wkoll. Proposta oħra hi li tiżdied il-pensjoni tas-servizz kull sena sabiex tieqaf id-diskriminazzjoni bejn eks ħaddiema fis-servizz.

L-għaqda tisħaq li “kulħadd għandu jiġi trattat l-istess mill-awtoritajiet responsabbli.” It-tielet proposta tkun li r-rati tal-pensjonijiet ikunu relatati mal-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu fis-snin ta’ ħidma. Dan hekk kif l-għaqda tgħid li persuni assigurati li jħallsu l-kontribuzzjonijet skont id-dħul tagħhom qed jieħdu l-istess rati ta’ pensjoni, daqs dawk li jkunu ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha.

L-għaqda tkompli tisħaq fl-istqarrija li “għandha ssir ġustizzja għal min ikontribwixxa iktar.” Ir-raba’ proposta hi li l-bonds tal-Gvern li huma speċifikament għall-anzjani, għandhom ikunu b’imgħaxxijiet mhux taxxabbli. Proposti oħra mniżżla f’din l-istqarrija huma li t-trasport pubbliku għall-anzjani għandu jkun bla ħlas u li anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-Gvern għandhom jingħataw l-istess inċezzjonijet ta’ taxxa daqs dawk f’istituzzjonijet privati.

L-aħħar proposta msemmija fl-istqarrija tkun li “l-anzjani ma jkomplux jiġu diskriminati bħala ċittadini tat-tieni klassi.” F’din il-proposta, l-għaqda tkompli żżid li l-ġid li qed jiġi ġġenerat bl-ekonomija għandu jinqasam sabiex ma jkomplix jikber id-distakk bejn dawk li qed jgħixu ħajja komda u bejn dawk inqas ixxurtjati.

More in Socjali