Il-Patoloġija tal-lingwa mitkellma...l-ewwel fis-saħħa primarja

Minkejja l-ebda ‘waiting list’, isiru l’fuq minn 70,000 żjara fis-sena fiċ-ċentru tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma

F’Lulju li għadda l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, inawgura ċentru rinnovat tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma jew kif magħrufa aħjar speech and language pathology, ġewwa Ħal Luqa.  Id-dipartiment tal-lingwa mitkellma kien ġie stabillit fl-1982 bħala kura tas-saħħa primarja. 

Forsi ħafna jaħsbu li dan it-trattament jiġi offrut biss għat-tfal iżda x-xogħol tal-patoloġisti tal-lingwa mitkellma imur altru minn hekk.  Dan is-servizz huwa offrut b’xejn fi 88 lokalita’ differenti f’Malta u anke f’Għawdex. 

Dan ifisser li, persuna tista’ tibbennifika minn dan is-servizz bil-kumdita’ kollha u mingħajr ħlas. 

Apparti minn hekk, dan id-dipartiment tas-saħħa primarja, m’għandux ‘waiting list’, bl-għan li l-klijenti jinqdew b’mod aktar effiċċjenti. 

Nagħtu ħarsa dwar is-servizz tal-ispeech and language pathology f’Malta, dwar kif minn dipartiment ġie mgħoti l-isem ta’ ċentru ta’ eċċellenza, u x’għandek tagħmel f’każ li tinnota xi diffikultajiet f’dawk qrib tiegħek.

L-ILLUM tkellmet ma’ Dr.Rita Micallef, li ilha fil-qasam tal-ispeech and language pathology għal dawn l-aħħar 37 sena, jiġifieri sa mill-bidu nett li s-servizz tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma beda jingħata f’Malta. 

Matul iż-żmien Micallef ġiet maħtura bħala l-kap ta’ dan id-dipartiment.  Micallef hija wkoll għalliema fl-Universita’ ta’ Malta fejn fost l-oħrajn tgħallem il-lingwa u l-psikjatrija u anke l-awtiżmu u l-imġieba.  Micallef tispjega kif qabel infetaħ il-kors tal-ispeech and language pathology, kien hawn erba’ patoloġisti biss f’Malta. Illum il-ġurnata hawn 99 patoloġist tal-lingwa mitkellma imjegata mall-gvern. 

Dan is-servizz beda jingħata miċ-ċentri tas-saħħa fejn wara nfirex anke fil-polyclinics,bereġ u skejjel, sakemm illum il-ġurnata qed jingħata kważi minn kull lokalita’ f’Malta u Għawdex.  Is-servizzi kibru mhux biss għaliex infirxu f’aktar lokalitajiet iżda anke bħala speċjaliżżazzjonijiet.  Micallef tkompli tgħid li s-servizz tagħhom hu kollu fuq livell speċjaliżżat fuq komunikazzjoni, il-lingwa mitkellma u anke kif persuni iġibu ruħhom f’aspetti soċjali.  “In-nies jaħsbu li aħna ngħallmu n-nies biex jitkellmu biss”. 

Micallef tispjega kif xogħolhom mhux biss li jgħallmu lin-nies itejbu l-lingwa mitkellma iżda anke l-grammatika, pereżempju kif persuna tgħaqqad sentenzi u kemm qed jgħatu tifsir lill-kliem.  Tingħata wkoll għajnuna lill-persuni li jbatu minn afasja jiġifieri meta persuna jdum ma’ jsib l-kelma li jrid juża waqt il-kommunikazzjoni.  Din id-diffikulta’ hi komuni wara ‘stroke’ jew trawma fir-ras. 

Tkompli tispjega kif saħansitra tingħata għajnuna f’aspetti soċjali, bir-regoli ta’ kif tagħmel konverżazzjoni pereżempju, id-distanza li għandek iżżomm meta tkun qed titkellem ma’ persuni oħra u x’tip ta’ azzjonijiet għandek tuża’ u ma tużax.  Parti mix-xogħol tal-ispeech and language pathologists hu, li jgħinu fl-aspett tal-fonoloġija jiġifieri, x’tip ta’ ħsejjes jintużaw waqt il-konverżazzjoni. 

Għalkemm bosta nies ma jassoċċjawx il-litteriżmu mal-patoloġija tal-lingwa mitkellma, tingħata wkoll għajnuna f’dan il-qasam fejn persuni jiġu mgħallma kif jaqraw u jiktbu l-kliem.  Persuni li wkoll jistgħu jirrikoru għall-għajnuna tal-ispeech and language pathology huma dawk bi problemi fil-kordi vokali.  Id-disfaġja, meta persuna ssib diffikulta’ biex tibla’ l-ikel, hi wkoll waħda mid-diffikultajiet li dawn il-patoloġisti jitrattaw, b’għajnuna ta’ professjonisti li jaħdmu id f’id fuq każijiet bħal-dawn.

Micallef tkellmet magħna dwar kif 60% tan-nies li jġarrbu minn puplesija, isibu diffikulta’ biex jibilgħu l-ikel.  Dawn il-każijiet jiġu trattati b’mod individwali, skond is-serjeta’ tal-każ. L-ILLUM staqsiet lil Micallef dwar liema huma l-etajiet li jitrattaw u meta hu l-aħjar perjodu li wieħed jirrikorri għat-trattament.  Micallef twieġeb li huma jitrattaw nies ta’ kull eta’, minn trabi sa anzjani. 

Persuna għandha tirrikorri għall-għajnuna minnufieħ meta tiġi nnottata xi tip ta’ diffikulta’.  Dan sabiex, it-trattament jkun jista’ jingħata minn stadju bikri.  Il-klijenti jistgħu mall-ewwel jirrikorru għand speech and language pathologist mingħajr ebda referenza ta’ tabib.  La darba każijiet ma jkunux jaqgħu taħt dan is-settur, issir referenza għand professjonisti speċjaliżżati. 

X’inhu l-għan tal-patoloġisti tal-lingwa mitkellma?

Meta nisimgħu bit-titlu ta’ dan is-servizz wieħed jista’ jissaponi li din it-tip ta’ terapija tgħin fil-lingwa mitkellma u fil-kommunikazzjoni, iżda mhux biss.  Fil-fatt l-għan ta’ dawn il-patoloġisti hu li jassessjaw u jidentifikaw id-diffikultajiet li wieħed jista’ jkollu biex jikkomunika u jibla’ l-ikel.  Wara li jiġu identifikati d-diffikultajiet, jiġu ddisinjati u implimentati programmi ta’ intervenzjoni li jkunu bbażżati fuq evidenza.  Dan kollu, iżid l-abilta’ fil-kommunikazzjoni ta’ min ikun qed jagħmel użu minn dan is-servizz. 

Riżultati pożittivi jiġu miksuba billi jsir assesjar tal-kommunikazzjoni u l-abilta’ ta’ kif il-pazjent jiekol u jibla’ l-ikel.  Wara li jsir id-dijanjosi, tibda t-terapija ndividwali jew fi grupp.  Isir intervent indirett bir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-pazjent, bl-għajnuna tal-patoloġisti u membri tal-familja li wkoll għandhom sehem importanti fit-terapija. 

Iż-żieda fl-għarfien issarraf f’ammont akbar ta’ żjarat…

Hekk kif huwa stmat li l-ispeech and language pathologists ikollhom madwar 70 elf żjara fis-sena, Micallef tgħid li din iż-żieda kienet bis-saħħa ta’ aktar għarfien.  Dan il-fattur iħalli effett pożittiv kemm fuq il-patoloġisti iżda wisq aktar fuq il-klijenti.  Dan hekk kif aktar kemm persuna tirrikorri kmieni għall-għajnuna, il-probabbilta’ ta’ progress tkun iktar għolja u t-trattament jieħu inqas fit-tul. 

Micallef żiedet tgħid li jorganiżżaw ‘workshops’ għall-ġenituri u anke professjonisti fejn jingħataw noti u saħansitra ċertifikat tal-attendenza.  Ġenituri u ndividwi li huma mħajra jattendu dawn il-‘workshops’ jistgħu jidħlu fuq is-sit http://www.deputyprimeminister.gov.mt/ għall-aktar tgħarif.

Ir-rata ta’ suċċessi ta’ każijiet…

Is-suċċess jiddependi mis-serjeta’ tal-każ u l-appoġġ mill-familja jew carers.  Meta l-klijenti joħorġu mill-klinika għandhom jipprattikaw dak li jkunu ġew mgħallma waqt is-sessjonijiet sabiex it-trattament ikun wieħed iktar effiċċjenti u effettiv.  Micallef tgħid li kull klijent ikollu xi tip ta’ suċċess iżda l-effiċċjenza tiddeppendi minn diversi fatturi fosthom : id-determinazzjoni u l-motivazzjoni tal-klijent.  Micallef iżżid, li meta l-familjari jimxu id f’id mal-patoloġisti, l-progress ikun wieħed evidenti. 

Micallef irrakkontat magħna matul l-intervista, każ partikolari li tagħha sodisfazzjon kbir. Tispjega kif kienet tara klijent sa minn eta’ żgħira li kellu diffikulta’ fil-kommunikazzjoni.  Minħabba bullying fl-iskola t-triq tat-trattament kienet waħda itwal.  Dan il-klijent għamel progress kbir u llum il-ġurnata kiseb suċċessi kbar fl-istudji tiegħu. 

Il-logħob fit-tfal jgħin fil-kommunikazzjoni…

“Kulma nagħmlu biex ngħallmu lit-tfal, nagħmluh permezz tal-logħob, inkella kif se tasal timmotivhom?”.  Micallef tispjega kif il-logħob jiżviluppa l-abiltajiet konjittivi.  It-tfal jużaw l-immaginazzjoni u l-kreattivita’ waqt li jkunu qed jilgħabu, li eventwalment, qed jgħinu fil-lingwa. Micallef iżżid tgħid li l-lingwa hi sistema ta’ simboli. 

Dan hekk kif meta t-tfal jitgħallmu ħoss ta’ oġġett jew annimal, ikunu jistgħu jassoċċjaw mal-kelma u joħolqu storja.  Tappella li dan it-tip ta’ logħob b’materjali tanġibli għandu jibqa’ biex it-tfal jiġu mgħejuna fl-aspetti simboliki.  Għalkemm apparat elettroniku bħal ‘tablets’ jistgħu jgħinu fl-edukazzjoni tat-tfal dan jista’ jkun qed inaqqas l-aspett kreattiv u mmaġinarju. 

L-ispeech and language pathology f’Malta, ingħataw ċ-ċertifikat tal-‘ISO’

Bis-saħħa ta’ żvilupp fil-proċeduri u konsistenza fis-servizz fil-patoloġija tal-lingwa mitkellma f’Malta, issa huma l-ewwel fil-qasam tal-kura primarja li kisbu iċ-ċertifikat ‘ISO’.  Dan iċ-ċertifikat internazzjonali, japprova li l-istandards tal-organiżżazzjoni huma milħuqa.  Minn investimenti ta’ taħriġ għall-pubbliku u anke professjonisti, u anke żieda fis-servizzi offruti li huma iżjed accessibli, issa l-ispeech and language pathology sar ċentru ta’ eċċellenza.  Dr.Micallef issostni li l-ħidma tagħhom se tkompli minkejja s-suċċessi li kisbu.

Dawn il-punti jgħinuk tgħaraf meta għandek tfittex għall-għajnuna :

  • Jekk it-tifel/tifla mhux qed juża’ kliem minn eta’ żgħira
  • Jekk it-tifel/tifla ma jurix li qed jifhem vokabularju sempliċi minn eta’ żgħira
  • Jekk hu diffiċli li tifhem lit-tifel/tifla
  • Jekk it-tifel/tifla juża’ grammatika ħażina kontinwament
  • Jekk persuna mhux qed tifhem jew tisma’ lill-ħaddieħor sewwa
  • Jekk tifel/tifla jew adult għandu diffikulta’ biex jiekol u jibla’ l-ikel
  • Jekk tifel/tifla jew adult għandu diffikulta’ biex jaqra u jispelli
  • Jekk persuna titkellem b’varjazzjoni mhux normali fit-ton u l-volum tal-vuċi

Jekk tinnota wieħed jew uħud minn dawn id-diffikultajiet, għandek tfittex għall-għajnuna billi żżur l-eqreb klinika jew iċċempel fuq 21230822.

More in Socjali